Formula 1 Sport

16-il sena ilu Jenson Button kiseb l-ewwel pole position fil-karriera

(Ritratt: EPA)

24 TA’ APRIL 2004

Is-sewwieq Ingliż ta’ BAR Jenson Button kiseb l-ewwel pole positon fil-karriera tiegħu wara li għamel l-aħjar ħin fil-provi uffiċjali fiċ-ċirkwit ta’ Imola f’San Marino. Button li dak iż-żmien kellu 24 sena, kiseb ukoll l-ewwel pole position għat-tim tiegħu qabel is-87 tellieqa minn kemm ilu li nħoloq dan it-tim.

Hu għamel l-aħjar dawra personali f’1:19.753 u għeleb l-isfida tas-sewwieq ta’ Ferrari Michael Schumacher b’0.258 ta’ sekonda. B’dan ir-riżultat, Button kien waqqaf il-bidu dominanti ta’ Schumacher li kien beda l-ewwel tliet tlielaq fuq quddiem.

Interessanti l-fatt li hekk kif f’dik il-ġimgħa tfakkret il-mewt tal-eks champions Ayrton Senna li miet f’Imola għaxar snin qabel, il-pole position kienet l-ewwel waħda b’magna Honda mill-1992. Dakinhar kien proprju Senna li kiseb l-aħjar ħin fil-Kanada.