Waqt li d-dinja qed tikkumbatti l-firxa tal-coronavirus, ħarġet konferma li 587 pazjenti oħra mietu fl-Ingilterra – fejn l-imwiet totali mill-Covid-19 fl-isptarijiet telgħu għal 17,373.
L-etajiet tal-pazjenti kienu jvarjaw minn 40 sa 102 sena. Intant, 34 fost il-vittmi ma kellhom l-ebda kundizzjonijiet ‘ċari’ minn qabel u li setgħu riżultawhom fatali wara li spiċċaw infettati bil-virus.
Fl-Iskozja mietu 64 pazjent ieħor bil-coronavirus (għal total ta’ 1,184) waqt li f’Wales kienu kkonfermati 110 mewta ill-Covid-19, f’perjodu ta’ 24 siegħa.
Sadanittant, id-domanda kbira għat-testijiet għall-coronavirus fir-Renju Unit wasslet għall-għeluq temporanju ta’ websajt ġdid tal-Gvern, sigħat biss wara li kien fetaħ. Il-websajt jippermetti biex il-ħaddiema li għandhom sogru kbir ta’ infezzjoni mill-coronavirus u qrabathom jibbukkjaw test f’każ li huma jew xi membri tal-familja juru s-sintomi partikulari.
Intant, laħqu saru 20,000 applikazzjoni, qabel il-websajt kien kostrett li jagħlaq minħabba ‘id-domanda sinifikanti tal-pubbliku’. Sar magħruf li mal-15,000 test kienu bukkjati f’siti fejn il-persuni jistgħu jidħlu bil-karozzi, filwaqt li kienu ordnati wkoll mal-5,000 home testing kit bħala parti mill-kampanja.
Il-Gvern f’Londra qal li l-kapaċità għal testijiet (għall-websajt) li jindikaw il-coronavirus għandhom jiżdiedu għal 18,000 home testing kit sa mill-ġimgħa d-dieħla.
Dan meta r-Renju Unit fassal mira ta’ 100,000 test tal-coronavirus għal kull ġurnata, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Żviluppi oħra…..
Fl-Italja, li qed timponi wieħed mill-aktar lockdowns stretti minn fost il-pajjiżi Ewropej, għaddejjin il-preparamenti għal ‘Fażi 2’ li tippermetti għal ‘ħafna aktar tnaqqis’ fir-restrizzjonijiet għall-poplu.
Waqt li fl-Italja, għalissa, qegħdin jiftħu xi ħwienet żgħar u oħrajn li jbiegħu l-ikel u l-mediċina, ‘Fażi 2’ tippermetti biex ikomplu l-proġetti ta’ kostruzzjoni u l-manifattura u biex it-trasport pubbliku jibda jħaddem is-servizzi mill-ġdid. Għalkemm se jkomplu l-miżuri ta’ social distancing u l-ilbies tal-maskli tal-wiċċ, it-tnaqqis fil-miżuri għall-emerġenza jistgħu jibdew anki min-nhar it-Tnejn.
Il-Gvern fil-Polonja deċieda biex jestendi l-għeluq tal-iskejjel ( inklużi għat-tfal ċkejknin) u l-universitajiet sal-24 ta’ Mejju. Dan meta ġie estiż id-deadline għall-perjodu tal-għeluq oriġinali għall-kumplessi tat-tagħlim f’dan il-pajjiż, li kellu jagħlaq proprju nhar il-Ħadd.
Spanja, sa fl-aħħar, kellha xi aħbar inkoraġġanti fost konferma tal-iżgħar ammont ta’imwiet mill-coronavirus għal ġurnata waħda — u wara sensiela ta’ jiem mill-aktar suwed. It-367 vittma reġistrati fi żmien 24 siegħa huma l-iżgħar numru ta’ mejtin fil-pajjiż għal aktar minn xahar – madankollu Spanja tibqa’ it-tielet pajjiż tad-dinja bl-akbar ammont ta’ imwiet (22,524) mill-Covid-19.
//= $special ?>