Sport Sport Ieħor

DISA’ SNIN ILU: William Chetcuti jirbaħ il-midalja tad-deheb f’Tazza tad-Dinja tal-ISSF f’Beijing

(Ritratt: ISSF)

24 TA’ APRIL 2011

Bħal-lum disa’ snin, it-tiratur Malti William Chetcuti rebaħ il-midalja tad-deheb waqt tappa tat-Tazza tad-Dinja tal-Isparar f’Beijing fiċ-Ċina. Taħt il-gwida tal-kowċ Jimmy Bugeja, Chetcuti laqat total ta’ 185 plattina fil-kategorija tad-double trap.

Fit-tliet rawnds waqt il-fażi ta’ kwalifikazzjoni, Chetcuti laqat 46, 46 u 49 plattina rispettivament. B’total ta’ 141 plattina, William Chetcuti temm fir-raba’ post daqs Vitaly Fokeev. Fil-finali, it-tiratur Malti laqat 44 plattina minn 50 fosthom għaxra minn għaxra fl-aħħar tentattivi. B’total ta’ 185 plattina, Chetcuti laqat żewġ plattini aktar mill-Indjan Ronjan Sodhi u tlieta aktar minn Jun Li taċ-Ċina.

Dan kien l-ewwel suċċess għal Chetcuti f’kompetizzjoni internazzjonali tal-ogħla livell. B’dak ir-riżultat, Chetcuti kiseb kwalifikazzjoni awtomatika biex jikkompeti fl-Olimpjadi ta’ Londra tal-2012.