Ambjent Lokali

Jimtlew il-miżbliet li kienu jintużaw għall-iskart tal-kostruzzjoni

Arkivji

Diversi xogħlijiet ta’ proġetti tat-toroq li qed isiru minn Infrastructure Malta se jkollhom jieqfu min-nhar it-Tnejn li ġej minħabba nuqqas ta’ spazju fejn jintefa’ l-iskart ta’ kostruzzjoni.

F’ittra li ntbagħtet lill-kuntatturi tat-toroq mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, huma ġew ordnati biex jissospendu x-xogħlijiet kollha min-nhar it-Tnejn li ġej.

Dan qed isir minħabba l-problema ta’ spazju li jeżisti għall-iskart iġġenerat minn din l-industrija, fejn l-Inġinier Frederick Azzopardi qal li din qed tikkawża riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, fosthom fuq il-proġetti tal-Marsa u f’Santa Luċija.

Jidher li din is-sospensjoni se tibqa’ fis-seħħ sakemm l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex ikun jista’ jintrema dan l-iskart.

Il-kuntratturi ngħataw struzzjonijiet biex sakemm ix-xogħlijiet ikunu weqfin, iżommu s-siti nodfa u magħluqa, biex ma jkunx hemm periklu għall-pubbliku u l-proprjetajiet fil-viċinanzi.

Waqt is-sospensjoni tax-xogħlijiet Infrastructure Malta se tkun qed tagħmel spezzjonijiet fuq is-siti biex ikun assigurat li dawn l-obbligi jkunu mħarsa.

Fi stqarrija, l-ERA qalet li hemm 31 barriera li għandhom permess li jaċċettaw l-iskart tal-kostruzzjoni. L-ERA qalet ukoll li qed tipproċessa wkoll applikazzjonijiet oħra għal siti ġodda.