Lokali

“Il-Kummissarju l-ġdid għandu jkun maħtur biż-żewġ terzi tal-Parlament” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija għandu jkun maħtur biż-żewġ terzi tal-Parlament; fi kliem sempliċi, bi qbil bejn Gvern u Oppozizzjoni, kif diġa’ ġara fil-każ tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti.

Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta matul il-jum, flimkien mal-Kelliem tal-Oppozizzjoni Beppe Fenech Adami, żar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.

Hawn, hu intlaqa’ mill-Aġent Kummissarju Carmelo Magri, li dawwru mad-Depot, bil-Kap tal-PN isellem lill-Pulizija li anke huma frontliners fl-eqqel tal-pandemija li qed niffaċjaw bhalissa.

Adrian Delia tkellem fuq l-importanza li jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-membri tal-Pulizija, filwaqt li tkellem dwar Korp li għandu jkun immexxi minn persuna li jkun approvat biż-żewġ terzi tal-Parlament.

Waqt din iz-zjara, Adrian Delia stqarr li bħalissa pajjiżna jinsab f’salib it-toroq fejn tidħol il-governanza tajba. U għalhekk importanti immens li l-Korp ikun verament b’saħħtu kontra nies li qed igawdu impunità. Dan fl-ambitu tad-diversi skandli li rajna fl-aħħar snin u stejjer li għadhom mifnija b’ħafna dubji, fejn kellna politiċi jew nies qrib Kastilja, li qatt ma tressqu l-Qorti b’akkużi formali.

Il-Kap tal-PN insista li l-Pulizija għandha rwol fundamentali biex taċċerta li Malta terġa’ tikseb lura r-reputazzjoni tagħha.

Waqt din iz-zjara, Adrian Delia iddawwar fost l-oħrajn mal-control room tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, is-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga, tal-Frodi, kif ukoll is-Cyber Crime Unit.