Internazzjonali

L-Armenja: Anniversarju ta’ ġenoċidju b’differenza…

Il-poplu tal-Armenja fl-aħħar sigħat fakkar il-vittmi tal-ġenoċidju ta’ Armeni li kien seħħ taħt idejn it-Torok Ottomani waqt l-eqqel tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Il-poplu Armen, din is-sena, kien kostrett li juża metodu differenti biex jonora lill-vittmi waqt dan l-anniversarju iswed — fejn, fost oħrajn, intfew id-dwal tat-toroq biex jissimbolizzaw il-ħajja mitlufa. Spikka wkoll id-daqq tal-qniepen tal-knejjes bħala tifkira tal-massakri tal-Armeni li jibqgħu tebgħa sewda fl-istorja.

Madankollu din is-sena ma saritx il-purċissjoni ta’ kull sena li s-soltu tkun iddominata minn parteċipanti jġorru t-torċi mixgħulhin huma u mexjin minn rotta indikata. Din is-sena l-awtoritajiet anki għalqu l-aċċess għall-monument tat-tifkira tal-ġenoċidju li jinsab f’zona prominenti tal-kapitali Yerevan.

Il-President tal-Armenja, Armen Sarkisian, qal li din il-105 anniversarju tat-traġedja kienet imfakkra b’rispett partikulari għall-protokoll u l-proċeduri li qed jiġu prattikati minħabba l-effetti tal-coronavirus.

L-Armenja tgħid li sa 1.5 miljun Armeni spiċċaw vittmi tal-ġenoċidju li seħħ fi żmien meta kien qed jikkrolla l-Imperu Ottoman – b’ħafna pajjiżi, illum, qegħdin jappoġġjaw u jagħtu kredibbiltà lil din iċ-ċifra.

Iżda t-Turkija għadha tiċħad kategorikament għall-akkużi ta’ ġenoċidju. Dan meta l-Armenja ilha tinsisti għal kumpens finanzjarju min-naħa ta’ Ankara u biex jingħata lura dritt ta’ proprjetà lid-dixxendenti tal-vittmi tal-massakri storiċi li kienu seħħew bejn l-1915 u l-1918.