Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

MARZU 2020: Staġnar ekonomiku li wassal għal tnaqqis ta’ €35 miljun mill-VAT u t-Taxxa

Matul ix-xahar ta’ Marzu, u allura x-xahar li fih pajjiżna daħal f’emerġenza medika minħabba l-Covid-19, il-Gvern ra tnaqqis sinifikanti fid-dħul tiegħu minħabba l-istaġnar ekonomiku li esperjenzajna.

Ċifri ppubblikati llum mill-NSO juru li f’Marzu, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel, id-dħul mill-VAT naqas bi kważi €8 miljuni filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ €27 miljun mill-Income Tax. Dan fih innifsu hu konferma tad-daqqa enormi fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, bil-kummerċ u x-xiri jonqos drastikament.

L-istatistika tal-NSO turi li l-Gvern bħalissa għandu żbilanċ ta’ aktar minn €312 miljun. Din iċ-ċifra wasalna għaliha fl-ewwel kwart tas-sena, minn Jannar sa Marzu, minħabba li d-defiċit żdied b’€178 miljun.

F’Marzu, aktar minn 350 ħaddiem tkeċċew mix-xogħol.

Il-gimgha li għaddiet l-Agenzija Fitch bassret li dawk li dawk bla xoghol f’pajjiżna se jiżdiedu ghal 6.1%. Il-Kamra tal-Kummerc qed tistma li l-ħaddiema issensjati, jafu jitilghu għal eluf sal-aħħar tas-sena.