Knisja Lokali

Miċħuda rapporti dwar il-Kappella ta’ San Pawl f’Ħ’Attard

L-aħħar xogħol ta' restawr li kien sar fuq il-Kappella kien fl-2010

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard flimkien mal-Parroċċa tal-istess lokalità u l-kuratur Reno Saliba ilhom joħolqu inizjattivi biex din il-kappella storika tingħata l-importanza li tant jeħtieġ.

Il-Kappella ta’ San Pawl f’Ħ’Attard li tinsab fuq ir-riħ ta’ Wied Is-Sewda hija kappella li nbniet fl-1729 u issa tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroverzja bit-talba ewlenija tibqa’ biex din il-kappella jsirilha r-restawr li huwa tant kruċjali.

It-talba għar-restawr għadha fis-seħħ, bis-Saraċini għadhom jistennew li tittieħed azzjoni

Net News fost l-oħrajn kiseb informazzjoni tal-ħidma u l-attiviatjiet li saru fl-aħħar snin mill-Kunsill Lokali u kif ukoll mill-Parroċċa fl-aħħar snin u kif ukoll in-numru ta’ talbiet li saru fl-aħħar snin biex l-istruttura tkun protetta. Infatti fl-aħħar xhur sa anki saru laqgħat ma’ Infrastracture Malta minħabba li l-proġett tas-Central Link se jkun qiegħed jgħaddi minn biswit din il-kappella.

Nafu wkoll li Infrastructure Malta wegħdu li jkopru l-ispejjeż biex il-kappella jkollha vireg tal-istainless steel u vireg tal-fibre biex jgħinu l-istruttura tal-Kappella.

Dwar dan iżda rapporti Times of Malta nsistew li Infrastracture Malta qed tagħmel dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni wara li x-xogħol li kien qiegħed isir fuq is-Central Link ikkawża aktar ħsarat fuq il-Kappella. Din l-istqarrija qed tiġi miċħuda mill-istess entità.

Infatti persuni li tkellmu magħna qalulna li fil-Kappella kien hemm problemi strutturali eżistenti imma kontenuti madanakollu kien diġà ntwera tħassib mill-awtoritajiet, inkluż anki mill-Kunsill Lokali u minn dawk responsabbli tal-Kappella li l-vibrazzjoni minn vetturi u makkinarju fil-qrib, jesponi l-istruttura tal-Kappella għal aktar ħsara. Infatti l-ħsara żdiedet malli bdew ix-xogħlijiet tat-triq qrib il-Kappella.

Intant kien fl-2009 meta numru ta’ residenti fil-qrib appellaw biex isir xogħol ta’ restawr fil-Kappella. Fl-2010 l-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien b’fondi wkoll tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard ħadu ħsieb li jsir xi xogħol ta’ restawr inkluż fuq l-iskannell tal-altar.

Fl-2015 il-Kunsill Lokali investa wkoll f’tell tales biex isir moniteraġġ tal-ħsara li qed issir fuq il-Kappella. Bl-għajnuna ta’ dan l-apparat ħarġet aktar il-konferma li kienu qed jikbru x-xquq fis-saqaf tal-Kappella fost l-oħrajn minħabba l-vibrazzjoni tal-vetturi u l-inġenji li bdew jgħaddu mill-qrib.

Sadanitant minn dan iż-żmien ‘l hawn, akkost l-appelli, l-awtoritajiet konċernati baqgħu ma laqgħux it-talba biex fuq din il-Kappella jsir ix-xogħol u r-restawr li hu tant meħtieġ.