Lokali Xjenza u Teknoloġija

Nagħmlu użu mit-teknoloġija diġitali biex niġġieldu aħjar l-imxija tal-COVID-19 – PN

“Fid-dinja kollha inkluż f’Malta, kulħadd jirreferi għall-COVID-19 bħala dak l-għadu li ma jidhirx. Għalhekk huwa ferm importanti li nagħmlu l-aqwa użu tat-teknoloġija sabiex nibdew nesponu l-wiċċ ta’ dan l-għadu u biex insaħħu l-battalja tagħna kontra l-imxija tal-COVID-19 f’pajjiżna.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan J Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema Karl Gouder u Kristy Debono.

Ivan J Bartolo qal li biex inkunu iżjed ippreparati għat-tieni mewġa tal-COVID-19 irridu nistaqsu, fil-qasam tas-saħħa pubblika xi stajna nagħmlu bit-teknoloġija diġitali biex inkunu ppreparati aħjar. Huwa ffoka fuq tliet oqsma prinċipali; titjib fil-komunikazzjoni bejn il-pubbliku u l-awtoritajiet tas-saħħa; titjib fil-ġbir tad-data u l-informazzjoni; titjb fil-loġistika għall-anzjani. Dwar dawn l-oqsma l-PN qed iressaq proposti konkreti:

Komunikazzjoni bit-teknoloġija tal-intelliġenza artificjali:

Konversazzjoni awtomatizzata li tkun disponibbli 24 siegħa kuljum biex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-miżuri kollha u l-prekawzjonijiet, x’inhuma s-sinjali vitali kollha, u dak kollu li jservi ta’ benefiċċju għall-pubbliku.

Data u informazzjoni b’mobile app:

  • Fejn persuna tkun tista’ tirreġistra u taqsam is-sinjali vitali mas-servizzi tas-saħħa, bid-data tkun sorveljata mill-Awtorijitajiet tas-Saħħa u b’mod proattiv jistgħu jirrakkomandaw għall-ittestjar.
  • Bl-użu tal-app jista’ jiġi faċilitat tracing f’każ li jkun hemm test pożittiv.

Titjib fil-loġistika għall-Anzjani:

  • Fejn jikkonċerna stock tal-mediċina, l-konsum tal-pilloli fil-ħin u l-użu tal-pilloli it-tajba.

Ivan J Bartolo qal li huwa importanti u wasal iż-żmien li nħarsu ‘l quddiem biex nippreparaw lilna nfusna aħjar għall-possibbiltà u meta l-isfida tat-tieni mewġa tal-virus tasal fuqna.

Kristy Debono qalet li pajjiżi madwar id-dinja qegħdin iħaddmu applikazzjonijiet ta’ contact tracing biex jiddentifikaw immedjatament il-każijiet u jevitaw il-firxa. Hija qalet li l-Gvern għandu jikkunsidra dawn is-sistemi u jiddikjara l-appoġġ għal protocols ta’ contact tracing diġitali li qed jiġu diskussi f’fora Ewropej. Issa huwa ż-żmien li bi skemi iffukati, ninkoraġixxu kumpaniji jagħmlu l-qabża fin-negozju tagħhom, fejn ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li s-soċjeta’ diġitali toffri f’bosta setturi. Hija qalet li għandna nindirizzaw wkoll l-isfida tal-online shopping, li tista’ tissarraf f’iżjed opportunitajiet u dan b’expression of interest għad-delivery services biex in-negozji jibbenifikaw minn għajnuna.

Kristy Debono laqgħet l-aħbar li pajjiżna se jingħata €5.3 miljun mill-Unjoni Ewropea u qalet li l-PN se jkompli jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġi faċilitat l-aċċess għall-fondi minħabba l-ħtieġa ta’ għajnuna immedjata. Għalhekk qed jiġi propost li l-Gvern jniedi front desk/help line dwar l-applikazzjoni tal-fondi ewropej. Proposta oħra hi li l-Gvern jgħaġġel il-proċess ta’ l-applikazzjonijiet ta’ fondi Ewropej għal fondi indiretti sabiex jixpruna aktar proġetti u investiment kapitali f’setturi bħal private health care inkluż l-e-health u applikazzjonijiet diġitali fis-settur tas-saħħa sabiex ikabbar l-overall health capacity f’pajjiżna. Hija qalet li dawn huma opportunitajiet li permezz tagħhom nippromwovu t-trasformazzjoni diġitali għal benefiċċju tas-settur tas-saħħa, n-negozji u n-nies.

Karl Gouder qal li huwa importanti ħafna li sistema teknoloġika tas-sahha għandha tasal għand kulħadd, u sabiex isir hekk lir-rwol tal-gvernijiet lokali huwa importanti ħafna. Huwa qal li dan huwa żmien meta rridu ninvestu f’sistemi teknoloġiċi ġodda u effiċjienti għall-gvernijiet lokali fosthom one stop shop online komuni fejn il-gvernijiet lokali jkunu jistgħu jwasslu s-servizzi tagħhom u servizzi oħrajn ġodda, fosthom dawk tas-saħħa, b’ħafna iktar effiċjenza online. Huwa ippropona li jigu zviluppati wkoll apps komuni iżda li jkollhom laqta’ distinta tal-lokalitajiet differenti fejn l-istess servizzi jkunu jistgħu jitwasslu wkoll.

Karl Gouder qal li wara l-COVID-19 irrdu naraw li l-gvernijiet lokali jkunu iktar ippreparati f’dik li hija prevenzjoni għall-mard bħal dan il-virus, biex ma jkunx hemm bżonn miżuri ta’ emerġenza, u għalhekk għandu jsir assessjar f’kull kunsill dwar miżuri ta’ sigurtà, kemm għall-ħaddiema u kif ukoll għall-pubbliku. Huwa qal li f’pajjiżna għad hawn min għadu ma daħalx fid-dinja teknoloġika għal diversi raġunijiet, u huwa importanti li kulħadd iħossu komdu f’dinja li verament ħadd ma jista’ jgħix ‘il barra minnha. Għalhekk saħaq fuq l-importanza li jkun hemm ir-riżorsi kollha meħtieġa, kemm finanzjarja u kif ukoll edukattivi biex verament ħadd ma’ jibqa’ lura.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Diġitali Ivan J Bartolo, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Karl Gouder.