Fl-omelija li għamel l-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, nhar il-Ħamis 23 ta’ April 2020, Solennità liturġika ta’ San Ġorġ Martri, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fir-Rabat Għawdex, huwa stqarr kif meta fil-Legenda aurea, Jacopo minn Voragine jagħtina ħjiel mill-istorja ta’ San Ġorġ Martri, insibu rakkont ħelu dwar in-nies tal-belt ta’ Silene fil-Libja. Ftit jew wisq dan il-poplu kien qed jgħix fl-istess sitwazzjoni li qed ngħixu llum aħna.
Il-ħajja ta’ din il-komunità tħarbtet ħesrem meta tfaċċa dragun qerriedi. Minħabba din it-theddida serja n-nies ħassewhom assedjati. Il-biża’, it-twerwir, il-qtigħ il-qalb ħakmu lil kulħadd. In-nies daħlet f’qoxritha u ngħalqet ġewwa. Il-mostru ħarbathom. Biex iżommuh kemm jista jkun ’il bogħod, issagrifikaw l-aqwa riżorsi li kellhom. Għall-ewwel bdew jagħlfuh billi jagħtuh żewġ nagħġiet kuljum – dak iż-żmien in-nagħaġ kienu patrimoniju ekonomiku. U meta din il-ħażna ekonomika messet il-qiegħ, huma bdew jissagrifikaw il-ħajjiet taż-żgħażagħ tagħhom għax kuljum bdew joffrulu żagħżugħ jew żagħżugħa biex jikolhom.
L-istorja tgħid li fl-aħħar mess anki lit-tifla tar-Re li tiġi ssagrifikata. Hawnhekk jidħol fl-istorja l-Patrun tagħna San Ġorġ, għax jasal f’din il-belt u jeħlishom minn dan l-inkubu. San Ġorġ qatel lid-dragun u hekk salva l-ħajja mhux biss tal-prinċipessa imma tan-nies kollha ta’ Silene. Kieku dakinhar San Ġorġ irraġuna bil-loġika tad-dinja, ma kienx ser jissogra ħajtu biex jeħles mill-mewt lil dawn in-nies! Imma dakinhar San Ġorġ għamel l-għażla tiegħu mdawwal minn Ġesù Kristu!
L-istorja tkompli tgħidilna li dan ma kienx l-uniku prodiġju li għamel San Ġorġ man-nies ta’ Silene, għaliex billi din kienet komunità pagana, il-Martri ta’ Lidda ħabbrilhom lil Kristu – San Ġorġ evanġelizzahom tant li l-belt kollha tgħammdet. San Ġorġ għenhom biex jintebħu min hu Alla l-veru.
Hu akkumpanjahom biex jiskopru lil dak Alla li kien għadu mhux magħruf għalihom. Permezz ta’ San Ġorġ dawn in-nies indunaw li l-allat li huma kellhom kienu foloz; li l-altari li kienu waqqfu matul is-snin ma kellhom ebda siwi! Jekk quddiem dik it-theddida serja huma ġew f’tagħhom, intebħu biċ-ċkunija tagħhom u kemm il-pretensjonijiet li kellhom sarulhom suf, San Ġorġ jagħmlilhom il-qalb u jfissrilhom li Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb – dak li dwaru kellemna Ġesù Kristu – huwa totalment differenti mill-allat maħluqa mill-bnedmin, allat li għandhom simpatija ma’ min hu qawwi u perfett; dak Alla li pprietka dwar Ġesù Kristu għandu mħabba prediletta lejn dawk li jħossuhom żgħar, dgħajfin u imperfetti!
Minn din l-istorja llum, Solennità liturġika ta’ San Ġorġ, l-Arċisqof ġibed ftit konklużjonijiet għalina; fl-istorja tal-belt ta’ Silene, nistgħu naqraw l-istorja tagħna llum. Għax aħna wkoll bħalissa għandna mostru li qiegħed jagħlaqna fit-twerwir u l-inċertezzi. Aħna wkoll bħalissa għandna din il-pandemija li qed iġġagħalna nissagrifikaw l-aqwa riżorsi tagħna, mhux biss dawk ekonomiċi imma wkoll dawk umani. Għall-grazzja ta’ Alla f’pajjiżna ma ġralniex kif ġara fl-Italja, fejn tobba, infermiera, saċerdoti u reliġjużi tilfu ħajjithom għax waqt il-qadi tagħhom mal-morda bil-Covid-19 ittieħdu u mietu. Bħalma ġara lin-nies ta’ Silene, nifhem li anki lilna din l-esperjenza qarsa li qegħdin ngħixu tiftħilna għajnejna u nintebħu li dawk li aħna konna għamilniehom allat ma huma allat xejn; qed nintebħu li ċerti affarijiet li ma konniex ngħixu mingħajrhom, jekk mhux ukoll konna ngħixu għalihom, mhumiex daqshekk indispensabbli! Konna naħsbu li kważi messejna s-sema b’idejna, konna naħsbu li għandna s-soluzzjoni għal kollox, imma qed nindunaw li aħna għandna l-limiti tagħna u nistgħu nixxellfu mix-xejn!
F’dawn iċ-ċirkustanzi llum San Ġorġ jerġa’ jħabbrilna lil Ġesù Kristu. San Ġorġ qed jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna, għax Ġesù Kristu huwa magħna. Alla mhux ser jitlaqna.