Lokali

“Sodisfatt li mhu ser jittieħdu ebda passi kontra eluf ta’ kaċċaturi li ma kisru ebda liġi” – Adrian Delia f’laqgħa mal-FKNK

"Qbilna li l-ligi għandha tigi rispettata minn kulħadd"

Nippromwovu l-kaċċa u insib sostenibbli u fil-parametri tal-liġi bid-djalogu kontinwu. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-laqgħa li saret illum bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti b’mod virtwali. Għal-laqgħa pparteċipaw it-tmexxija tal-FKNK fosthom il-President Joe Perici Calascione u s-Segretarju Lino Farrugia li spjegaw ir-rieda tal-FKNK li tippromwovi kaċċa sostenibbli fil-parametri tal-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista huwa favur kaċċa u insib sostenibbli u ser jara li jkun ta’ appoġġ għall-eżerċitar ta’ dawn id-delizzji fir-rispett tal-ambjent u tad-drittijiet ta’ individwi u għaqdiet oħra. Il-Partit Nazzjonalista kien dak li ddefenda d-dritt tal-kaċċa fir-rebbiegħa fi żmien gvern Nazzjonalista quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u kiseb id-deroga unika fid-dritt Ewropew għal kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiema u s-summiena.

Huwa ta’ dispjaċir meta d-delizzju tal-kaċċa u l-insib jispiċċaw ballun politiku b’intenzjoni malinna u qarrieqa bħal ma ġara riċentement. Dan ma’ jgħinx lid-delizzju li jeħtieġ djalogu kontinwat u spassjonat minflok polarizzazzjoni politika li jgawdu biss minnha dawk il-politikanti li jridu jgerfxu l-imħuħ biex jipprevalu fil-konfużjoni. Din mhix il-politika tal-Partit Nazzjonalista li jrid ikun ċar ma’ kull persuna u f’kull ċirkostanza qal Adrian Delia fl-għeluq tal-laqgħa li ntemmet b’risoluzzjoni ta’ laqgħat regolari bejn iż-żewġ partijiet fil-ġejjieni.

Għal-laqgħa attendew ukoll id-Deputati Edwin Vassallo, Kelliem għad-Delizzji u David Thake, Kelliem għall-Ambjent kif ukoll uffiċjali tal-FKNK Lucas Micallef, Gerald Vella u Anthony Grech. Attenda wkoll il-laqgħa Peter Agius, Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropej.