Lokali

Xokk u dieqa għall-mewt ta’ DJ Timpana; kien wieħed mill-akbar personalitajiet ta’ Paceville

Ħafna nies li ftit tas-snin ilu kienu jiffrekwentaw l-istabbilimenti tad-divertiment ta’ Paceville jinsabu maħsuda bl-aħbar, għall-għarrieda, dwar il-mewt ta’ Kennethjohn Cutajar — magħruf aħjar bħala DJ Timpana — u li ismu kien sinonimu mal-istabbiliment tal-Footloose ‘l-antik’, speċjlament lejn l-aħħar tas-snin disgħin u l-bidu tal-elfejnijiet.

L-aħbar nisslet xokk u dieqa kbira fost il-ħafna ħbieb ta’ Kennethjohn — l-iżgħar fost sebat aħwa — u li jiftakruh bħala personalità ferrieħa u ferm attiv. Persuni li kienu jafu lid-DJ mill-qrib irreferew għalih bħala ‘the life and soul of the party’ waqt li fakkru li hu dejjem kien isib il-mużika ‘adatta u ideali’ biex iżid mal-brijju fi kwalunkwe okkażjoni.

Il-ħbieb li kitbu fuq Facebook u mezzi oħrajn tas-social media biex jesprimu d-dieqa tagħhom, sadanittant, fissru lil DJ Timpana bħala ‘karattru sinċier, ċajtier u ta’ qalb tajba.’

Minn hawnhekk nestendu l-kondoljanzi lill-qraba u lill-ħbieb numerużi ta’ KennethJohn Cutajar f’dan il-mument diffiċli.