Futbol Sport

19-IL SENA ILU: David Carabott jilgħab il-100 logħba mat-tim nazzjonali Malti

25 TA’ APRIL 2001

Id-data tal-25 ta’ April tibqa’ memorabbli fil-karriera ta’ David Carabott hekk kif laħaq tragward sabiħ, jiġifieri l-100 logħba mat-tim nazzjonali. F’dak iż-żmien, hu kien sar it-tieni plejer li għamel dan wara Carmel Busuttil. Carabott beda l-karriera mat-tim nazzjonali taħt it-tmexxija tal-kowċ Guentcho Dobrev. L-ewwel logħba tiegħu kienet fil-15 ta’ Novembru tal-1987 fi draw ta’ 1-1 kontra l-Iżvizzera u l-100 logħba kienet f’telfa ta’ 4-1 kontra l-Iżlanda.

F’intervista li dehret f’In-Nazzjon lejliet il-100 logħba tiegħu, David Carabott semma mumenti li jibqa’ jiftakar. Fosthom kien hemm id-draw barra minn darna kontra l-Ungerija, il-gowl tad-draw skorjat minnu kontra l-Belarus u t-telfa ta’ 2-1 barra minn darna kontra l-Kroazja fejn kien skorja hu. Carabott ftakar f’diversi esperjenzi iżda semma plejers bħal Carmel Busuttil, John Buttigieg, Martin Gregory, Michael Degiorgio u Ray Vella bħala plejers li tgħallem ħafna mingħandhom u mhu se jinsihom qatt.

Inċidentalment il-logħba kontra l-Iżlanda kienet l-aħħar waħda għal Carmel Busuttil u b’hekk Carabott sar il-captain il-ġdid tat-tim nazzjonali. Hu baqa’ jilgħab man-nazzjonal sal-età ta’ 36 sena, bil-122 logħba tiegħu kienet f’partita ta’ ħbiberija kontra n-Norveġja. David Carabott hu wkoll it-tielet l-aqwa skorer tat-tim nazzjonali bi 12-il gowl.