Futbol Sport

40 sena ilu Sliema Wanderers rebħu kontra t-tim nazzjonali tal-Libja

25 TA’ APRIL 1980

Bħal-lum erbgħin sena, Sliema Wanderers saru l-ewwel tim lokali li għeleb lil tim nazzjonali. Dakinhar huma rebħu  2-1 kontra l-Libja. F’rapport tal-logħba fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon, il-Libja ġew deskritti bħala tim b’entużjażmu, ħeffa iżda bi ftit ħsieb fil-logħob. Il-gowlkiper Rajab Fitar, il-midfielder Binma Shoshan u l-attakkant Abdcula ħallew l-aktar impressjoni.

Għal Sliema, spikka Leli Fabri li kien ta’ ispirazzjoni għat-tim wara li ġab id-draw u rebaħ il-penalty li wassal biex ġie skorjat il-gowl tar-rebħa. Ir-rebħa tas-Slimiżi waslet b’reazzjoni fit-tieni taqsima wara li fl-ewwel taqsima ma kinux fl-aqwa tagħhom.

Il-Libja marret fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob b’xutt fil-baxx ta’ ABAD ABDOULD wara azzjoni ta’ Binma Shoshan. Sliema ġabu d-draw fid-59 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ LELI FABRI minn korner ta’ Ritchie Aquilina. Il-gowl tar-rebħa wasal ħames minuti mit-tmiem meta Fabri twaqqa’ minn Mahlouf, b’RITCHIE AQUILINA jiskorja mill-penalty.