“Bżonn li din iż-żona tiġi sorveljata b’serjetà”
Hemm bżonn urġenti ta’ aktar sigurtà fil-Bajja tad-Dwejra, f’Għawdex. Dan huwa l-appell tal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz wara li tul il-jum tal-Ġimgħa sar tentattiv ieħor ta’ vandaliżmu fuq siġar protett f’din iż-żona.
Tul l-aħħar jiem dan kien it-tieni tentattiv, bil-Kunsill Lokali jibqa’ jtenni t-talba urġenti tiegħu biex l-Awtoritajiet joffru s-serħan il-moħħ lil din iz-zona.
Dan minħabba l-fatt li kelliema għall-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz saħqu li minbarra l-ħsara li saret, il-Kunsill kemm-il darba ġibed l-attenzjoni fuq abbużi varji oħra li jsiru kemm matul il-ġurnata iżda aktar u aktar filgħaxija.
Għaldaqstant, barra l-appelli sabiex ikun hemm aktar preżenza ta’ uffiċjali tal-Pulizija fiz-zona, il-Kunsill reġa’ tenna għall-bżonn li din l-akwata tkun taħt is-sorveljanza tal-kameras tas-sigurtà
Ġie spjegat li jekk il-Kunsill jingħata l-finanzi neċessarji jkun lest li jidħol għal dan il-proġett hu stess, però l-Kunsill innota b’dispjaċir li mhux talli mhux jingħata flus biex ikun jista’ jimmaniġja z-zona imma fl-aħħar allokazzjoni ġew imnaqqsa l-flus li suppost jingħata.
Finalment il-Kunsill ħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati sabiex jieħdu l-passi neċessarji u ankè jissaportjaw lill-Kunsill Lokali.
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex ukoll ikkundannat dan il-vandaliżmu li seħħ minn persuna jew persuni li għadhom mhux magħrufa. Is-siġar jidhru li ġew imqatta’ biex b’hekk saret ħsara rriperabbli lin-natura li ssebbaħ lil-lokalità li tilqa mijiet ta’ turisti kull sena. L-Assoċjazzjoni qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex dan it-tip ta’ vandaliżmu ma jibqax iseħħ.
//= $special ?>