Lokali

Arrestati 11-il persuna f’ħidma kontra t-traffikar u l-abbuż tad-droga

Sejba f’appartamenti u fi ġnien pubbliku f’San Ġiljan

Ħdax-il persuna ġew arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar u abbuż ta’ droga wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan u tas-Sliema.

Dan kollu seħħ wara jiem ta’ osservazzjoni fuq appartament fi Triq Dragonara f’San Ġiljan wara li kellhom informazzjoni li kien qed isir traffikar ta’ droga. Waqt ir-rejd instabu fl-appartament żewġ żgħażagħ mil-Latvja ta’ 20 u 22 sena u Spanjola ta’ 33 sena.

Fl-appartament saret ukoll tfittxija permezz tal-klieb tal-Pulizija, fejn fil-kamra tas-sodda nstabet sustanza suspettata kannabis. Minn aktar tfittxijiet li saru fl-appartament instabu aktar oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.

Il-ħidma ssoktat ftit ‘il bogħod, fi ġnien pubbliku, wara rapporti li fil-post kien qiegħed isir traffikar ta’ droga. Wara xi ħin ta’ osservazzjoni, ġie nnutat li xi persuni allegatament setgħu kienu qegħdin jabbużaw mid-droga u persuna minnhom allegatament tbiegħ id-droga.

Għaldaqstant ġew arrestati tmien persuni, kollha ta’ nazzjonalità Somala. Waqt li l-persuni kollha ġew mitkellma mill-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni, madwar il-ġnien saret tfittxija mill-klieb tal-Pulizija.

Il-Pulizija għamlu wkoll tfittxija f’residenza fi Triq Schriber, f’San Ġiljan, fejn tgħix il-persuna li allegatament kienet qiegħda tbiegħ id-droga, Somalu ta’ 30 sena.

F’din it-tfittxija nstab ammont ta’ droga, suspettata cannabis, kif ukoll miżien.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.