Futbol Sport

Bonanni u Carniello jġeddu l-kuntratt ma’ Birkirkara

(Ritratt: Birkirkara FC)

Għalkemm il-kampjonat preżenti jinsab wieqaf minħabba l-coronavirus, Birkirkara jinsabu għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex isaħħu l-bażi tal-iskwadra ta’ dan l-istaġun. Huma ħabbru li ġedded il-kuntratt ta’ Claudio Bonanni b’sentejn u Oscar Carniello b’sena.

Bonanni ngħaqad ma’ Birkirkara f’Jannar ta’ din is-sena. Hu ħalla impatt immedjat fit-tim u sar wieħed mill-aktar plejers importanti fit-tim ta’ Andrè Paus. It-Taljan ta’ 23 sena qed ikun utilizzat quddiem id-difiża u kien konsistenti fil-logħob tiegħu. Hu sa issa lagħab ħames logħbiet fil-Kampjonat Premier kif ukoll lagħab fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy kontra Floriana. Dakinhar hu kien fetaħ l-iskor bi ġmiel ta’ free-kick, bit-tim Karkariż ikun eliminat bl-għoti tal-penalties.

(Ritratt: Birkirkara FC)

Oscar Carniello wkoll jinsab fl-ewwel staġun iżda ngħaqad ma’ Birkirkara fis-sajf li għadda. Carniello li għandu 31 sena, ifforma l-koppja ċentrali fid-difiża ma’ Enrico Pepe u kważi lagħab il-logħbiet kollha f’dan l-istaġun fejn anki skorja gowl kontra Valletta fil-kampjonat.

In-negozjati tmexxew mill-Viċi President u d-Direttur Tekniku Michael Valenzia flimkien ma’ Frank Zarb. Il-plejers barranin Caio Prado, Federico Falcone, Enrico Pepe u Isaac Ntow kollha jinsabu taħt kuntratt u b’hekk Birkirkara għandhom sitt plejers barranin konfermati għall-istaġun li ġej.