L-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) ma tistax ma taqbilx u ma tappoġġax it-talba konsistenti tal-Kap u tal-Partit Nazzjonalista biex il-Gvern ta’ Robert Abela jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50% matul iż-żmien tal-pandemija tal-COVID – 19.
Issa jidher ċar li l-prezzijiet tal-petrol, diesel u d-dawl u l-ilma huma mażżra ġganteska ma’ għonq il-Gvern Laburista sa minn meta Joseph Muscat rebaħ l-elezzjoni tal-2013 bil-wegħda li jraħħas il-prezzijiet tad-dawl u l-ilma bil-kundizzjoni li tinbena power station ġdida li ma kellniex bżonnha.
Minn hemm ‘il quddiem inxtegħlet il-bozza l-ħamra tal-korruzzjoni li ħonqot kull ċans li l-poplu xi darba jgawdi minn prezzijiet reali u ġusti.
L-APAN tixtieq tfakkar li fis-7 ta’ Jannar tal-2017 fi stqarrija għall-istampa, kienet ingħaqdet mal-kundanna ġenerali lill-Gvern ta’ Joseph Muscat meta ħabta u sabta kien għolla l-prezz tal-fuel b’4ċ.
Dan meta l-prezz taż-żejt kien $54.58 il-barmil. Issa li l-prezz mess il-qiegħ, il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela u sħabu għadu qed iċaħħad lill-poplu mir-roħs ġust u reali, għax il-korruzzjoni għadha qed ixxeklu milli jagħmel dan.
Għall-bidu, l-APAN baqgħet ftit lura milli tagħmel tagħha din it-talba għax b’xi mod, l-anzjani għandhom pensjoni, li kbira jew żgħira, mhix se tonqsilhom minħabba l-kriżi tal-pandemija.
Fiċ-ċirkustanzi prevalenti, kien aktar urġenti li jiġi assigurat id-dħul tas-salarji tal-ħaddiema u li ma jitilfux ix-xogħol, imma issa huwa l-mument meta l-prezz tal-żejt niżel għal dan il-livell, li l-poplu Malti ħaqqu jgawdi minn dan ir-roħs biex ipatti għat-telf finanzjarju sostanzjali li l-epidemija ġabet fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
Dan it-traħħis għandu jsir b’urġenza u jibda jgħodd mill-bidu ta’ Marzu biex ikun jista’ igħin lill-anzjani jkampaw mal-għoli tal-ħajja u ma tkomplix titnaqqar il-pensjoni tagħhom.
//= $special ?>