Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 26 persuna mfejqa; każ ġdid pożittiv

Fl-aħħar 24 siegħa minn 559 test ħareġ wieħed pożittiv; raġel ta’ 52 sena. Huwa kellu kuntatti ma’ tal-familja.

Dan ħabbritu l-Professur Charmaine Gauci fejn ikkonfermat ukoll il-fatalità tal-anzjana ta’ 96 sena sabiex issa l-imwiet ikkawżati mill-Coronavirus f’pajjiżna huma 4. Hija kienet qed tinżamm l-Isptar Mater Dei wara li ftit tal-jiem ilu ttestjat pożittiv għal Covid-19. Il-mara sfortunatament kienet issofri minn mard kroniku ieħor.

It-total ta’ każi pożittivi fil-Gżejjer Maltin huwa dak ta’ 448. B’kollox huma 249 il-persuni li s’issa fiequ mill-infezzjoni tal-Covid-19 u t-total ta’ każi attivi hwua dak ta’ 195.

Fost l-imfejqa hemm persuna li għandha bejn 0 u 9 snin, persuna oħra bejn l-20 u 29 sena, 4 persuni bejn 30 u 39 sena, 4 persuni oħra bejn 40 u 49 sena, 4 oħra bejn 50 u 59 sena, 4 persuni oħra bejn 60 u 69 sena u 4 persuni oħra bejn 70 u 79 sena.

Dan kollu jfisser li grazzi għal koperazzjoni mill-pubbliku u l-ħidma tal-frontliners, in-numru ta’ każijiet attivi s’issa huwa nqas mill-każijiet imfejqa.

Is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika xorta waħda appellat għall-kawtela u ħeġġett lill-pubbliku sabiex jibqa’ jsegwi l-pariri tla-Awtoritajiet.

Profs. Charmaine Gauci kkonfermat li qed jikkunsidraw, b’ħidma konġunta mad-Data Commissioner, contact tracing application sabiex l-Awtoritajiet ikunu jistgħu ikunu jafu persuna fejn u qrib min kienet.

Hija spjegat ukoll li flimkien ma’ dawk il-persuni li ttestjaw pożittivi u fiequ mill-Covid-19 qed isiru diversi eżamijiet bil-għan li pajjiżna jagħti l-għajnuna tiegħu fi tfittxija ta’ vaċċin.

Prof. Gauci appellat sabiex jekk persuna tara sintomi għandha ċċempel minnufih lil 111 ankè jekk persuna taħseb li hija sempliċi allerġija qawwija.