Minħabba nuqqas ta’ ippjanar serju mill-Gvern fil-qasam tal-infrastruttura u kostruzzjoni, Infrastruttura Malta ħarġet ordni biex min nhar it-Tnejn li ġej jieqaf x-xogħol kollu relatat mal-bini mill-ġdid u manutenzjoni ta’ toroq.
Fi stqarrija iffirmata minn; Toni Bezzina,
Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Kevin Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, David Thake,
Kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima u Edwin Vassallo,
Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi intqal li minkejja li l-Gvern dejjem ra li l-industrija tal-kostruzzjoni u l-infrastruttura jkunu il-mutur wara t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, tant li investa mas-€700miljun fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-toroq, issa għandna konferma li dan kollu l-Gvern għamlu bla ppjanar ta’ xejn.
Dan il-Gvern ma kienx kapaċi jantiċipa xi problema setgħu jħabbtu wiċċhom magħhom kuntratturi tat-toroq fir-rigward ta’ rimi ta’ materjal ta’ kostruzzjoni bħalma ma kienx kapaċi jirrispetta ftehim li ffirma hu stess fi Frar tal-2019 u ċioé li l-prezz tar-radam kellu jibqa’ fiss għal perjodu ta’ tmintax il-xahar. Minflok, il-prezz tar-radam tela’ minn €8 għal €15 it-tunnellata, bil-problemi kollha li tali nuqqas ġab miegħu.
Minflok ix-xogħol fit-toroq tagħna ser jieħdu spinta l’ quddiem minħabba ċ-ċirkustanzi li għaddej minnhom pajjiżna bħalissa, l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf x-xogħolijiet kollha relatati. Dan ser iwassal għal inċertezza kbira fost dawk kollha li l-għajxien tagħhom jiddependi minn din l-industrija kif ukoll inkonvenjent kbir ghal min joqghod fit-toroq affetwati mix-xogħlijiet. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ippjanar tal-Gvern ser iwassal ghal konġestjonijiet sħaħ ta’ traffiku meta Malta terġa’ lura għan-normal u xogħolijiet fit-toroq tagħna, li setgħu jitlestew f’ dawn iż-żminijiet, ikunu għadhom nofs leħja.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Gvern biex b’mod serju u b’rispett sħiħ lejn l-ambjent ta’ madwarna, jindirizza din il-problema billi ma jibqax ikaxkar saqajħ u permessi li ilhom pendenti għal snin sħaħ għal estensjoni jew barrier ġodda biex jirċievu radam ġo fihom ikunu pproċessati immedjatament u fl-istess ħin jassigura li ftehim dwar rati ta’ rimi ta’ materjal tal-kostruzzjoni jkunu rispettati.
//= $special ?>