Knisja Lokali

Il-Bambina tal-Isla ser tiċċelebra 100 sena Inkurunata

Matul ix-xahar id-dieħel is-Sengleani ser ikunu qed jiċċelebraw il-100 sena anniversarju minn meta l-Papa Benedittu XV ħareġ id-digriet sabiex l-eqdem vara processjonali f’Malta u Għawdex, dik ta’ Marija Bambina tal-Isla, tiġi Inkurunata.

Kien proprju fil-31 ta’ Marzu tal-1920, ftit wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u proprju waqt pandemija oħra, dik tal-Influwenza Spanjola, li l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Mauro Caruana bagħat supplika lill-Vatikan sabiex din il-vara tiġi nkurunata.

Din it-talba waslet wara li d-devozzjoni b’rabta ma’ din l-istatwa bdiet tikber ankè fid-dawl li l-vara kienet fiċ-ċentru ta’ pellegrinaġġi storiċi fosthom marbuta mal-pesta.

L-inkurunazzjoni tal-Bambina, li l-festa tagħha niċċelebrawha fit-8 ta’ Settembru, seħħett fl-4 ta’ Settembru, 1921.

Ta’ min wieħed isemmi li din mhux l-unika varja proċessjonali li ġiet inkurunata mill-Papa, fosthom hemm ukoll dik ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina.