Coronavirus Lokali Qorti

Pospost il-ġuri tas-Serb akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti

Il-pandemija tal-COVID-19 kienet il-kaġun biex ġuri ta’ Serb mixli bil-qtil tan-negozjant Hugo Chetcuti skedat għal dan ix-xahar jiġi pospost u jitpoġġa sine-die. Dan ġie rrappurtat fil-ġurnal in-Nazzjon fil-ħarġa tal-Ġimgħa, 24 ta’ April.

Il-Qorti Kriminali kienet ilha għaddejja bi preparamenti biex dan ix-xahar jibda l-ġuri tas-Serb Bojan Cmelik akkużat li fis-sajf tal-2018 qatel lil Hugo Chetcuti, l-intraprenditur magħruf li kellu 52 sena. Persuni legali mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kienu ilhom għaddejjin bix-xogħol intensiv tagħhom bl-istudju tal-każ, studju li kien qed isir b’ċerta reqqa.

Kien qed jiġi antiċipat li Cmelik, is-Serb ta’ 36 sena jibda’ għaddej ġuri ix-xahar li għadda, iżda dan ma seħħx minħabba li kien għad baqa’ xi xogħol legali relatat ma’ dan l-omiċidju.

Cmelik qed ikun akkużat li fis-6 ta’ Lulju tal-2018, fl-stabbiliment tiegħu stess fi Triq Santa Rita, kantuniera ma’ Triq San Ġorġ f’Paceville, San Ġiljan attakka lill-intraprenditur f’San Ġiljan billi tah daqqiet ta’ sikkina u kkaġunalu ġrieħi gravi, li spiċċa biex wasslu għal mewt .

L-akkużat kien għamel perjodu jaħdem ma’ waħda mill-kumpaniji ta’ Hugo u kien darba tkeċċa għax ma tfaċċax għax-xogħol. Aktar tard kien ingħata xogħol ieħor u eventwalment allegatament reġa’ tkeċċa minħabba l-attitudni tiegħu u xi kunflitti ma’ ħaddiema oħra.

Kien it-12 ta’ Lulju ta’ sentejn ilu li Chetcuti tilef il-battalja mal-mewt. Huwa kien miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei għall-ħabta tad- 9.00pm.

Minkejja li huwa dejjem kien dejjem fil-periklu tal-mewt, għal xi ħin il-qagħda tiegħu kienet waħda stabbli. Huwa kien ġie operat darbtejn u dan wara li l-kundizzjoni tiegħu kienet qalbet għall-agħar.

L-isforzi li saru mit-tobba u paramediċi biex jaqleb għall-aħjar sfortunatament sfumaw fix-xejn. Huwa kien miet kaġun ta’infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara t-tieni operazzjoni li saritlu.

Fil-kumpilazzjoni kien ħareġ li mit-testijiet tad-DNA li saru fuq is-sikkina li ntużat fid-delitt kienu nstabu żewġ profili tad-DNA li kienu jaqblu ma’ tal-vittma u tal-akkużat Bojan Cmelik kif ukoll profil ieħor tad-DNA ta’ terza persuna. Madankollu fil-pocket fejn l-akkużat kien qed iżomm is-sikkina ma nstabu l-ebda traċċi tad-DNA.

Dawn id-dettalji kienu ngħataw mid-Dottoressa Marisa Cassar quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li kienet semgħet il-provi dwar dan id-delitt. Punt li kien qam fil-kumpilazzjoni kien meta l-Qorti kienet ġiet infurmata li xi mezzi tax-xandir kienu qed ixandru l-filmat tas-CCTV li fih jidher l-attakk fuq Hugo.

Il-Maġistrat kienet qalet li x-xandir tal-filmat kien att illegali u ordnat biex dan l-istess filmat jitneħħa minn fuq il-portals b’mod immedjat. Fil-Qorti kien ntwera wkoll filmat tas-CCTV mill-istabbiliment Bar Native fejn l-aggressur jidher tiela’ t-taraġ ta’ Santa Rita f’Paceville.

Fil-filmat, Hugo jidher bilqegħda dahru lejn il-kamera u s-suspettat jidher javviċinah, jattakkah b’sikkina u jaħrab minn fuq il-post. L-espert forensiku Dr Mario Scerri, għandu jixhed ukoll fil-ġuri kien fiehem lill-Qorti kif huwa kien eżamina l-feriti li kellu l-vittma kif ukoll dawk tal-akkużat.

Huwa qal li s-sikkina li nstabet fil-pocket li kellu fuqu l-akkużat kellha xafra twila 16-il ċentimetru. Huwa kien eżamina wkoll lill-akkużat u minbarra xi feriti li kienu ilhom fuqu, instab li kellu wkoll feriti oħra li kien għamel lilu nnifsu, li Cmelik stqarr li dawn kienu saru waqt li kien fil-ħabs.

Għat-testijiet dwar jekk kienx taħt l-effett tad-droga, kollox kien irriżulta fin-negattiv. Dwar il-feriti ta’ Hugo, Dr Scerri kien xehed li s-sikkina daħlet minn direzzjoni u ħarġet minn oħra.

Qal li wara li kien reġa’ nvista lil Chetcuti l-kundizzjoni tiegħu dehret li kienet stabbli iżda aktar tard il-kundizzjoni tiegħu bdiet tmur għall-agħar fejn żviluppat infezzjoni.

Kien hawn li ttieħdet id-deċiżjoni biex is-Sur Chetcuti jerġa’ jiġi operat għat-tieni darba. Skond Scerri, l-kundizzjoni tiegħu baqgħet qatt ma qalbet għall-aħjar anke wara t-tieni operazzjoni tant li Chetcuti waqa’ f’koma, ħakmitu nfezzjoni bil-kundizzjoni tiegħu tibqa’ sejjer dejjem lura.

Sadanittant l-attakk fuqu kien seħħ fl-inawgurazzjoni ta’ stabbiliment ieħor tiegħu. Cmelik, li kien qed jiġi difiż mill-Avukat veteran Joe Brincat qatt ma’ ammetta la l-akkuża tal-attentat ta’ qtil ta’ Chetcuti, u lanqas meta din inbidlet għal waħda ta’ qtil volontarju.

Hugo Chetcuti huwa mfakkar mhux biss għas-suċċessi tiegħu fin-negozju iżda għall-karità tiegħu. Ftit tal-jiem qabel l-inċident kien offra l-għajnuna tiegħu għas-sorijiet tal-Ursolini fejn fi żjara li għamel fil-kunvent tagħhom f’Tas-Sliema huwa ra l-ħidma tas-sorijiet u offra li jgħinhom fil-proġetti tagħhom fosthom fil-pool u fl-air conditioners fil-kmamar tat-tfal u tal-logħob.

Chetcuti, li trabba Raħal Ġdid kien jimpjega mijiet ta’ persuni grazzi għall-katina ta’ stabbilimenti tad-divertiment, ristoranti u lukandi li kollha kienu jġibu ismu stess – Hugo.

Chetcuti kien beda n-negozju tiegħu fit-tmeninijiet, bil-ftuħ tal-ewwel stabbiliment tiegħu ‘Footloose’ f’Paceville. Maż-żmien huwa kompla jiftaħ iktar stabbilimenti mhux biss tad-divertiment, iżda wkoll kien pijunier fl-industrija tal-ospitalità f’Malta. Kien bena din il-katina ta’ stabbilimenti bl-appoġġ ta’ ħutu Sheryl u Isaac, kif ukoll ibnu Luke, li baqa’ miexi fuq il-passi ta’ missieru.

L-Avukat Joseph Giglio se jkun qed jidher bħala parti-ċivili għan-nom tal-familjari tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni fi’dan il-każ kienet tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant, li kellu jkun fost l-ewwel xhieda fil-ġuri.

Ta’ min jgħid li fuq l-akkużat minbarra s-sikkina kienu nstabu fuqu wkoll żewġ ċwievet li kienu ġew eżebiti quddiem il-Qorti. Cmelik kien qal li ċ-ċwievet kienu tad-dar tiegħu fis-Serbja. Cmelik jgħix ma ħuh f’Tal-Pietà u kien impjegat f’Bacco u Hugo’s Terrace.