Coronavirus Lokali

Il-Gvern għandu jnaqqas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nofs

‘Meta l-prezz internazzjonali taż-żejt ġie fix-xejn f’rekord assolut li qatt ma ġara qabel, l-pajjiżi kollha qed inaqqsu l-prezzijiet ħlief f’Malta għax f’pajjiżna m’hawnx normalità u l-Gvern mhux qiegħed jara li dak li jista’ jikseb jgħaddih lin-nies. Il-Maltin u l-Għawdxin se jibqgħu jħallsu bl-għoli għall-prezz tal-fuels u ghall-kontijiet tad-dawl u l-ilma minħabba d-deals ħżiena u korrotti tal-Gvern Laburista.

Qegħdin ninsistu li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jonqsu bin-nofs, u kull ġurnata li tgħaddi u dan ma jseħħx, hija ġurnata oħra fejn in-nies qed jibqgħu jinsterqu.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li l-Ministru Edward Scicluna, li qatt ma jkollu xjaqsam ma xejn u jgħidilna li idejh marbutin, qalilna li issa magħna hemm iċ-Ċiniżi. Dan meta l-Gvern iffirma kuntratt għal 18-il sena għall-enerġija li minnu n-nies qegħdin jinsterqu l-miljuni kuljum.

Qegħdin ninsterqu fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet, ninsterqu bil-commissions għax-xiri tal-gass, u qegħdin ninsterqu għax it-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet internazzjonali mhux qed jaslu għand il-konsumaturi, f’deal ħażin li għalih qegħdin inħallsu l-prezz tal-korruzzjoni.

Huwa qal li fi żmien meta ninsabu għaddejjin mill-pandemija, qegħdin nipproponu li l-Gvern iraħħas mil-lum stess il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50%, meta hawn ħafna ħaddiema li qed jispiċċaw bla impjieg u mingħajr l-għixien minħabba l-kriżi u mhux qegħdin ilaħħqu mal-ispejjeż u meta l-Gvern qed ikun selettiv ma min jagħti l-għajnuna, li mhix biżżejjed, u qed jinjora 110,000 ħaddiem.

Adrian Delia tkellem dwar is-summit straordinarju tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) li hu nsista li għandu jsir għax qegħdin ngħixu fi żminijiet straordinarji. Huwa qal li waqt is-summit ressaq erba’ punti ewlenin: is-soppravivenza, s-solidarjetà, s-sostenibbiltà u s-sovranità. Dwar is-soppravivenza spjega l-ħtieġa ta’ pakkett finanzjarju massiċċ Ewropew sabiex insalvaw l-impjiegi.

Dwar is-solidarjetà spjega kif ir-riżorsi ta’ pajjiżna jinsabu taħt pressjoni minħabba l-COVID-19 u li Malta ma tistax titħalla waħedha quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari u jeħtieġ azzjoni immedjata. Huwa qal li l-Ewropa għandha tieħu bl-ikbar serjetà t-theddid għad-demokrazija minn gvernijiet Ewropej li bl-iskuża tal-krizi qegħdin jaħtfu l-istituzzjonijiet f’idejhom u jiksru d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom, meta d-demokrazija ma tistax tkun vittma tal-pandemija.

F’pajjiżna wkoll hawn problema ta’ sovranità meta l-Prim Ministru Robert Abela qed jaħtaf ix-xandir nazzjonali TVM u qed iġibu estensjoni tal-ONE TV sabiex iwassal il-propoganda tiegħu minflok jgħidilna kif se jgħin iżjed ħaddiema u biex jifred lill-poplu fi żmien meta għandna nkunu magħqudin fil-ġlieda kontra l-imxija tal-virus.

Adrian Delia qal li rridu nibqgħu nisimgħu u nobdu d-direttivi tal-Awtortajiet tas-Saħħa, nagħmlu sagrifiċċju u noqgħodu d-dar biex inrażżnu l-imxija tal-virus. Huwa qal li huwa surreali kif Charmaine Gauci tgħidilna li s-sitwazzjoni mhix se tiġi għan-normal “any time soon” u l-Ministru Chris Fearne u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri lkoll jaqblu li għandna nibqgħu attenti u viġilanti, Robert Abela jgħidilna bil-kontra.

Meta l-poplu qed jobdi d-direttivi, Robert Abela ma jistax ikun popolist u jgħidilna li jrid igawdi s-sajf, minflok għandna ninżgħu l-poltika partiġġjana għaliex dan huwa mument diffiċli li rridu nghaddu minnu bhala poplu wieħed.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għaż-żjara li kellu għand il-Korp tal-Puliizja. Il-pulizija huma wkoll frontliners fil-glieda kontra l-imxija tal-COVID-19 u qed jagħtu servizz importanti ħafna lill-poplu Malti.

Huwa qal li jeħtieġ li l-Korp tal-Pulizija jitmexxa minn persuna li tiġi approvata biż-żewġ terzi tal-Parlament u mhux jaħtru l-Gvern bi żmien definit. Dan kollu juri kemm Robert Abela jrid li jibqa’ jaħtru hu u jispiċċa jobdi l-ordnijiet u meta jdejjqu jkeċċih, meta din persuna se jkollha quddiemha r-responsabbiltà li l-Korp jerġa’ jgawdi mill-ġieh li jistħoqqlu.

Adrian Delia qal li mill-pulizija nistennew li ssir il-ġustizzja mingħajr ma jħarsu lejn l-uċuħ, kemm politiċi kif ukoll persuni li qrib Kastilja jew li jingħataw protezzjoni mill-politiċi għax inkella jispiċċa jbati pajjiżna u Malta tispiċċa blacklisted, wara r-rapport tal-Moneyval.