Lokali

“Il-kontijiet mhux jirrifflettu s-sitwazzjoni preżenti” – MEA

Appell ieħor lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl hekk kif il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u tal-gass jinsabu f’livelli baxxi immens. Din id-darba l-appell ġej mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA.

Mistieden fil-programm Net Live ma’ Robert Cremona, Joe Farrugia, d-Direttur Ġenerali tal-MEA tkellen dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-prezzijiet tal-fuels.  Hu qal li din mhijiex sitwazzjoni normali.

Joe Farrugia spjega kif il-prezz taż-żejt waqa’ saħansitra taħt iz-zero hekk kif l-ispiża għall-ħażna taż-żejt, għal xi ħin kienet akbar milli jekk jinbiegħ bix-xejn, u l-kumpaniji taż-żejt riedu jfittxu jeħilsu minnu.

Hu saħaq li dan il-fatt mhux qed ikun rifless fil-kontijiet tad-dawl li qed iħallsu l-familji u n-negozji f’pajjizna.

Farrugia spjega li anke jekk il-prezz tal-fuels jerġa jibda tiela’, dan xorta se jkun baxx biżżejjed li jiġġustifika roħs fil-kontijet, u saħaq dwar il-bżonn għal reviżjoni fil-prezz li qed iħallsu l-Maltin għall-elettriku.

Dwar l-iskemi ta’ għajnuna lin-negożji, Joe Farrugia qal li għad hemm kumpaniji li tħallew ifendu għal rashom. Hu insista li jinħtieġ irfinar u firxa akbar tal-iskemi ta’ għajnuna fuq aktar kumpaniji sabiex ikunu salvati l-impjiegi.

Joe Farrugia tkellem ukoll dwar proposta tal-MEA li ħaddiema fil-qasam tas-saħħa jingħataw bonus speċjali. Hu qal li dawn il-ħaddiem qed jaħdmu lil hinn mix-xogħol normali tagħhom u li l-Assoċjazzjoni qed tipproponi ħlas addizjonali straordinarju bħala sinjal ta’ rikonoxximent.

Dwar it-turiżmu, hu qal li l-probabbiltà hi li jridu jgħaddu s-snin biex dan is-settur jiġi lura għan normal, u li din il-kriżi għallmitna ħafna affarijet, tant li l-ħajja wara l-Covid-19 se tkun differenti sew minn dik li konna qed ngħixi sa ftit tal-ġimgħat ilu.

Ikkummenta