Coronavirus Ekonomija Lokali

“Ipperikolati l-impjiegi ta’ 11,500 ħaddiem”

Il-Malta Maritime Forum innota b’dispjaċir kbir u bi tħassib li l-prudenza u s-sens ta’ responsabbiltà li uriet, b’mod partikolari, f’dan iż-żmien diffiċli, ma kienx apprezzat u reċiprokat mill-gvern.

Pajjiżi oħra marittimi ħadu pożizzjoni differenti bil-gvernijiet tagħhom mhux biss ripetutament ifaħħru l-industrija marittima għar-rwol essenzjali li taqdi, iżda jikkumpensaw finanzjarjament biex jgħinuhom jaqsmu l-piż.

L-entitajiet marittimi rrappreżentati mill-MMF, li jinkludi burdnara, trasbord, pilotaġġ, irmonk, tiswijiet ta’ vapuri u servizzi fil-port, ma talbux biljun dollaru li l-Gvern tal-Korea t’Isfel qed jipprovdi lill-industrija marittima, iżda talbu biss qsim ġust tal-piż sabiex, bħala employers responsabbli, ma jkunux sfurzati jġorru l-piż waħedhom.

Fil-laqgħa tagħha mal-Prim Ministru fis-7 ta’ April, il-Forum spjega li l-aħjar miżura ta’ ġustizzja soċjali f’dawn iċ-ċirkostanzi huwa li jkun hemm formula ta’ qsim tal-piż, b’livelli proporzjonali bejn il-gvern, min iħaddem u l-impjegati. Il-proposta tal-Forum kienet li min iħaddem iġorr 60% tal-piż, il-gvern 30%, u l-impjegati 10% b’garanzija li l-impjieg tagħhom jitkompla minkejja s-sitwazzjoni diffiċli. B’dispjaċir ngħidu li, bl-aktar mod insensittiv, tliet ġimgħat wara din il-laqgħa, il-Forum għadu sema’ xejn minn għand il-gvern u wisq anqas ingħata konferma.

Fil-laqgħa, l-MMF uriet lill-gvern kif l-industrija marittima Maltija ilha ġġorr il-piż kollu waħedha minn Jannar meta l-portijiet Ċiniżi ngħalqu u l-bastimenti kellhom iħassru vjaġġi sħaħ minħabba nuqqas ta’ merkanzija. Huwa fatt magħruf li bejn Jannar u April tħassru aktar minn erba’ mitt vjaġġ merkantili madwar id-dinja, b’Malta tieħu parti mid-daqqa ta’ din is-sitwazzjoni diżastruża. Ir-riżultat ta’ dan ikexkex, b’entitajiet lokali marittimi jitilfu bejn 40% sa 100% tas-sehem tas-suq. Agħar minn hekk, dan mhux it-tmiem tal-kriżi.

Minkejja li nafu li din is-sitwazzjoni se tippersisti fit-tul, il-gvern mhux qed jirrikonoxxi d-diffikultajiet kbar li ninsabu fihom. Bħala paragun, wieħed isemmi li meta l-Minstru tat-Trasport tal-Korea t’Isfel ħabbar għajnuna ta’ biljun dollaru Amerikan lill-industrija marittima tal-pajjiż, hu qal li “meta wieħed jikkunsidra d-dewmien bejn l-inkwiet ekonomiku globali u t-tnaqqis fil-prestazzjoni, entitajiet marittimi mistennija jsofru aktar danni fit-tieni kwart tal-2020”.

Din hija t-tip ta’ mogħdrija li l-industrija marittima ta’ Malta tixtieq li tara mill-gvern Malti. Iżda, kif jista’ wieħed jasal hemm meta l-Forum lanqas biss ingħata ebda forma ta’ risposta għall-karba tiegħu lill-Gvern?

L-industrija marittima marret lil hinn mill-appell għall-qsim tal-piż. L-MMF ipproponiet numru ta’ miżuri proattivi li kellhom jindirizzaw kemm is-sitwazzjoni attwali, kif ukoll Malta wara l-COVID19.

Pajjiżi oħra kienu fuq ta’ quddiem biex ifasslu modi kif is-servizzi marittimi jistgħu jiġu pprovduti mingħajr ma jippreġudikaw, bl-ebda mod, l-aspetti tas-saħħa tal-pajjiż. Organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Unjoni Ewropea, taw parir lill-gvernijiet biex jappoġġjaw l-industrija tat-tbaħħir ta’ pajjiżhom u jħallu s-servizzi marittimi għaddejjin bil-miżuri ta’ prekawzjoni kollha. Malta, sfortunatament, iddeċidiet mod ieħor, u l-proposta tal-Forum għal inizjattivi, konsultazzjoni u proattività waqgħet fuq widnejn torox.

Il-Ministru tat-Trasport tar-Renju Unit, l-Onorevoli Ms Kelly Tolhurst, fit-23 ta’ April kienet ikkwotata mill-gazzetta marittima Lloyds List tgħid: “Irrid insellem lil dawk fl-industrija marittima, lil kull impjegat u baħħar, li għadhom jaħdmu f’dan iż-żmien ta’ kriżi nazzjonali. Se jkolla xhur diffiċli quddiemna. Iżda meta nirkupraw minn din il-kriżi, il-pajjiż kollu għandu jkun grat lejkom u jagħtikom l-apprezzament u r-rikonoxximent għas-servizzi eċċellenti li bqajtu toffru.” Id-differenza fl-istil u fl-approċċ lejn is-sitwazzjoni ma trid l-ebda kumment ieħor.

Il-Malta Maritime Forum huwa determinat fil-missjoni tiegħu li jwassal lill-gvern biex jassumi r-responsabbiltà tiegħu biex jaqsam il-piż magħha. L-industrija marittima qiegħda tiġġieled battalja għas-sopravivenza tagħha biex tkompli tiggarantixxi l-għixien ta’ 11,500 persuna li jaħdmu fl-industrija.

Dawn il-ħaddiema jafu illi, li kieku ma kienx għar-reżiljenza u s-sagrifiċċji ta’ min iħaddimhom, dawn kienu jispiċċaw bla xogħol u jkunu qed japplikaw għall-benefiċċju tal-qgħad. Din hija r-realtà tas-sitwazzjoni tal-industrija marittima Maltija. Id-deċiżjoni tal-gvern li jinjora l-industrija marittima se jkollha impatt qawwi u fit-tul. Il-persuni impjegati fl-industrija marittima jistħoqqilhom għajnuna minn fondi pubbliċi li huma stess ikkontribixxu għalihom.

Mhux ġust li l-impjegati fis-settur marittimu qed jiġu diskriminati.