Lokali

Iż-żgħażagħ u l-isport fost il-prijoritajiet ewlenin għall-Partit Nazzjonalista

“F’dawn l-aħħar ġranet, kelli laqgħat ta’ introduzzjoni, ma’ żewġ organizzazzjonijiet bħala l-Kelliem tal-Oppożizzjoni responsabbli miż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji. F’żewġ laqgħat separati virtwali ltqajt mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u mal-Bord tad-Diretturi ta’ Sport Malta fejn enfasizzajt il-prinċipju li għall-PN, l-oqsma taż-żgħażagħ u l-isport huma fost il-prijoritajiet ewlenin fil-ħidma tagħna, anke mill-Oppożizzjoni”.

Hekk sostna Robert Cutajar, Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità, fejn spjega li mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li ġew introdotti mill-President Chiara Vassallo, stqarr li l-Oppożizzjoni kienet se tkun qed tinvolvi liż-żgħażagħ f’konsultazzjoni fejn jidħlu abbozzi li jitressqu fil-Parlament u li b’xi mod il-KNŻ ikun jixtieq iressaq l-ideat u l-proposti tiegħu.

Huwa fakkar kif anke fl-aħħar xhur, il-KNŻ kien parteċipi fit-tfassil ta’ mozzjoni li l-Oppożizzjoni ressqet fil-Parlament dwar l-Emerġenza fil-Klima. Sħaqt ukoll li l-ħsieb u r-rieda tal-Oppożizzjoni se jimmiraw li din il-koperazzjoni tissaħħaħ.

“Għall-Oppożizzjoni, iż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu spettaturi fid-deċiżjonijiet li jittieħdu iżda għandhom ikunu parteċipi, saħansitra fost il-protagonisti ewlenin”.

Waqt l-istess laqgħa huwa tkellem dwar l-oqsma komuni li l-Oppożizzjoni se tkun qed taħdem mal-KNŻ dwarhom. Fost dawn semma: l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli, l-istili ta’ ħajja sana kif ukoll is-saħħa mentali.

Dan filwaqt li ħa l-okkażjoni biex, mill-ġdid, feraħ lil Eman Borg, li sa ftit xhur ilu kien jokkupa l-kariga tas-Segretarju Ġenerali tal-KNŻ, u li fl-aħħar jiem inħatar Ambaxxatur għaż-Żgħażagħ Maltin fi ħdan il-Commonwealth.

Dan filwaqt li kellu laqgħa oħra, dik mal-bord ta’ Sport Malta. Matul din il-laqgħa, saret introduzzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, fejn iddiskutew, flimkien mal-kumplament tal-Bord, numru ta’ suġġetti.

Tkellem dwar ir-rwol li l-Oppożizzjoni se tkun qed tieħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin dwar kif l-isport f’pajjiżna jista’ jingħata aktar attenzjoni u sostenn mill-Gvern Ċentrali.

L-Oppożizzjoni, filwaqt li tirrikonoxxi ħidmet Sport Malta, se tkun qed taqsam il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħha mal-istess entità sabiex l-isport u l-isportivi jingħataw dejjem l-ispazju u l-finanzjament meħtieġ. Jeħtieġ li l-investiment fl-infrastruttura sportiva u f’għajnuna lill-għaqdiet sportivi jitkompla.

Prijorità oħra għall-Oppożizzjoni se tkun li tara li tibda titħaddem verament il-liġi ta’ Stili ta’ Ħajja Sana b’aċċenn fuq l-obeżità li kienet imressqa fil-Parlament mill-Oppożizzjoni fl-2016.

Għandu jkun hemm ir-rieda u l-impenn biex dak li kien maqbul unanimament fil-Parlament jidħol fis-seħħ bis-serjetà. B’hekk biss nistgħu naraw ir-riżultati mixtieqa u espressi fl-introduzzjoni ta’ dik il-liġi li kienet sabet ukoll l-appoġġ tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Punt komuni li ħareġ minn dawn iż-żewġ laqgħat, li tmexxew fi spirtu ta’ kollaborazzjoni sħiħa, kien li dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet qed iħarsu ‘l quddiem sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet ta’ ħidma konġunta. Iż-żewġ organizzazzjonijiet apprezzaw ferm l-impenn li qed turi l-Oppożizzjoni fl-oqsma rispettivi tagħhom. Dan kollu għandu jwassal biex iż-Żgħażagħ u l-Isport jibqgħu fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż.

Fil-laqgħat mal-KNŻ u Sport Malta, huwa rringrazzja lill-predeċessur tiegħu, id-Deputat Ryan Callus, li fl-aħħar snin kien responsabbli f’isem l-Oppożizzjoni mis-setturi taż-Żgħażagħ u l-Isport.