Lokali Saħħa

ll-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Barbara Burkey

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

ll-Partit Nazzjonalista jsellem lil Barbara Burkey, infermiera u akkademika mill-Università ta’ Liverpool li mietet ilbieraħ f’Liverpool. Kmieni fis-snin 90, Barbara Burkey kienet inġiebet Malta minn Gvern Nazzjonalista biex tagħmel riforma fit-taħriġ tal-infermieri Maltin u tgħolli l-livell tal-korsijiet tal-infermieri f’Malta għall-korsijiet fl-Università ta Malta.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea, intqal illi Burkey ħadmet bla heda biex għall-ewwel darba introduċiet il-kors ta ‘Degree fin-Nursing fl-Università ta’ Malta. 

Għal diversi snin baqgħet Kap tan-Nursing Department fl-Università ta Malta u kienet strumentali biex għola l-livell akkademiku tal-infermieri f’Malta. Grazzi għal Barbara Burkey illum infermieri Maltin huma kwalifikati mhux biss f’degree fin-nursing imma anki masters u PHd.  Hija kienet strumentali wkoll biex bdiet speċjaliżazzjoni f’dixxiplini differenti fin-nursing.

Għal hafna snin, Barbara Burkey ħadmet fil-qrib mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami, l-eks ministru tal-Edukazzjoni Louis Galea u l-eks Segretarju Parlamentari John Rizzo Naudi.  Barbara Burkey kienet saħansitra ngħatat Ġieħ ir-Repubblika mill-President ta’ Malta għall-kontribut kbir li tat lin-nursing f’Malta.

Wara snin taħdem f’Malta hija irtirat lura f’Liverpool imma baqgħet iżżur Malta ta’ spiss fejn kellha diversi ħbieb. Illum id-Dipartiment tan-Nursing fi ħdan l-Università ta  Malta huwa mmexxi minn akkademiċi Maltin imma dan ma kienx ikun possibli li kieku Barbara Burkey ma għallmitx u ħadmet snin sħaħ sabiex jibdew jispeċjalizzaw infermieri Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Barbarba Burkey u jerġa’ jirringrazzjaha għall-ħidma ma taqta’ xejn li għamlet għall-professjoni tan-nursing f’Malta. Il-Partit Nazzjonalista jagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-qraba tagħha f’Liverpool u l-ħbieb u kollegi tagħha f’Malta.