Lokali

Professjonisti jisħqu li l-ebda pakkett mħabbar mill-Gvern ma japplika għalihom – stħarriġ

83.5% ta’ dawk li jaħdmu full-time u għandhom xogħol part-time għal rashom kellhom tnaqqis fid-dħul

Madwar 97% tal-professjonisti self-employed jirrappurtaw telf

62.7% minn tas-self-employed saħqu li l-ebda mill-pakketti ta’ miżuri mħabbra mill-Gvern Laburista ma kienu japplikaw għalihom. Dan ħareġ minn stħarriġ mwettaq mill-Federazzjoni Maltija għall-Assoċjazzjonijiet Professjonali.

Fi stqarrija, l-MFPA spjegat li l-istħarriġ twettaq fl-ewwel ġimgħa ta’ April sabiex tinkiseb stampa aktar ċara tar-realtà li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-professjonijist fil-Gżejjer Maltin fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi kif ukoll bil-għan li l-Gvern Malti ikollu idea aktar ċara tad-diffikultajiet li l-ħaddiema qed jafrontaw.

Fl-istħarriġ ġie nnotat li diversi professjonisti appellaw lill-Gvern sabiex fost oħrajn iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li l-pagi jkunu ssussidjati, jiġi sospiż il-ħlas tas-self mill-banek u jipprovdi wage supplement.

Fost dawk li wieġbu madwar 65% kienu professjonisti fil-qasam tas-Saħħa, bi 33% minnhom jisħqu li kienu f’riskju qawwi li jiġu nfettati bil-Covid-19.

Ħareġ fid-deher li fl-aħħar ġimgħatejn ta’ Marzu ftit inqas minn 97% tal-professjonisti self-employed saħqu li ġarbu telf finanzjarju, b’aktar minn 70% ta’ dawk li jaħdmu għal rashom irrapportaw telf ta’ aktar minn 50% mid-dħul normali tagħhom.

28% ta’ dawk li pparteċipaw saħqu li ħadmu aktar sigħat minn nofs Marzu u 72% insistew li qed iħossuhom aktar stressati minn normal, bi 33% minnhom jsostnu li jekk din il-kriżi tissokta għal xahrejn oħra l-livell ta’ stress tagħhom ser ikun wieħed qawwi.

83.5% ta’ dawk li jaħdmu full-time u għandhom xogħol part-time għal rashom kellhom ukoll tnaqqis fid-dħul, b’aktar minn kwart minnhom b’nuqqas t’aktar minn 50%.

Fil-jiem li ġejjin l-MFPA mistennija tippublika stħarriġ ieħor li ser ikun qed jieħu f’konsiderazzjoni dawk il-professjonijiet li jħadmu magħhom professjonisti oħra.