Lokali

Robert Abela jrid jibqa’ jagħżel u jikkontrolla lill-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Kummissarju tal-Pulizija ser jinbidel kull 4 snin

L-aħbar li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid se jkun maħtur biss għall-perijodu ta’ erba’ snin hija konferma ta’ kemm Robert Abela jrid jibqa’ jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija hu u jikkontrollah bl-aktar mod assolut matul iż-żmien li jdum fil-kariga.

Hekk sostnew Beppe Fenech Adami, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità u Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku wara li dan il-fatt sar magħruf meta l-Ġimgħa ġiet ippubblikata s-sejħa pubblika għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija u li tagħmilha ċara li l-persuna magħżula bħala Kummissarju tal-Pulizija se ddum fil-kariga għall-perijodu ta’ 48 xahar biss (4 snin).

Is-sejħa pubblika tipprovdi wkoll li dan il-perijodu ta’ erba’ snin jista’ jiġi mġedded. L-istess sejħa pubblika tagħmilha ċara wkoll l-ħatra tal-persuna magħżula bħala Kummissarju tal-Pulizija hija suġġetta għal perijodu ta’ prova ta’ sena.

Din id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista tmur kontra l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja li l-bażi tagħhom kienet il-liġi kif kienet qabel il-bidliet riċenti u ċioè li l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija tkun għall-perijodu ta’ ħames snin.

Huma saħqu li mkien fir-rapport tal-Kummissjoni Venezja ma jingħad li l-perijodu ta’ ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija għandu jonqos minn ħames snin għal erba’ snin biss u li l-ewwel sena ta’ dan iż-żmien ta’ erba’ snin għandu jkun perijodu ta’ prova.

Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina insistew li b’din il-bidla il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss se jibqa’ jagħżel hu min ikun Kummissarju tal-Pulizija iżda issa se jkun jista’ jkeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija wara sena biss li jkun ħatru.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li f’soċjetà demokratika huwa essenzjali li l-Korp tal-Pulizija jkun mmexxi minn persuna professjonali, imparzjali u li tħaddan u tħaddem is-saltna tad-dritt bħala l-aqwa għodda għall-protezzjoni taċ-ċittadini.

Il-PN jemmen li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu jiġi maħtur bl-akbar appoġġ possibbli ċjoè bi qbil ta’ żewġ terzi tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati. Mill-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru sal-lum Robert Abela falla test wieħed wara l-ieħor dwar il-governanza tajba u qed juri kif l-unika għan tiegħu huwa li bħal Joseph Muscat jibqa’ jikkontrolla bl-aktar mod assolut l-ogħla karigi f’pajjiżna.