Futbol Sport

25 SENA ILU: David Carabott isalva punt għat-tim Malti fil-Belarus

26 TA’ APRIL 1995

Ħamsa u għoxrin sena ilu, it-tim nazzjonali Malti taħt it-tmexxija ta’ Pietro Ghedin, kiseb draw ta’ 1-1 barra pajjiżna kontra l-Belarus. Kienet wirja pożittiva tat-tim Malti hekk kif minbarra d-draw, inkiseb punt meritat bi prestazzjoni tajba. Dan kien it-tieni punt ta’ Malta minn sitt logħbiet, fi Grupp 5 mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-1996. Fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon l-għada tal-logħba, ġew identifikati Carmel Busuttil, David Carabott, Kris Laferla, Gilbert Agius u John Buttigieg bħala fost l-aqwa, b’David Cluett isalva r-riżultat lejn it-tmiem meta salva tajjeb f’żewġ okkażjonijiet.

Fl-ewwel taqsima, it-tim Malti kien perikoluż meta Laferla għadda lejn Busuttil li prova b’konklużjoni mill-ewwel iżda t-tentattiv ġie salvat mill-gowlkiper avversarju. Fl-24 minuta, Ghedin bidel it-tattika meta daħħal liż-żagħżugħ Gilbert Agius flok Martin Gregory li weġġa’. Laferla rtira aktar f’nofs il-grawnd, b’Agius jidħol f’pożizzjoni aktar avvanzata. Proprju Agius mar viċin il-gowl Malti meta rċieva passaġġ preċiż ta’ Buttigieg iżda x-xutt qawwi ġie salvat. Ftit wara ċans ieħor għat-tim Malti b’lob li ħabat mal-lasta.

Il-Belarus marret fil-vantaġġ fis-56 minuta meta minn korner, inħolqot taħwida quddiem il-gowlkiper Malti, b’John Buttigieg jipprova jbiegħed il-periklu iżda l-ballun ħabat ma’ wiċċ Cluett u spiċċa fix-xibka. Iżda fis-70 minuta, il-plejers Maltin kisbu d-draw meritat meta DAVID CARABOTT skorja b’xutt b’saħħtu minn madwar 35 metru. Fl-aħħar sekondi, spikka s-save providenzjali ta’ Cluett fuq daqqa ta’ ras ta’ Gurenko.