26 TA’ APRIL 1975
Il-kampjonat tal-istaġun 1974/75 intemm bi draw ta’ 0-0 fid-derby bejn Floriana u Valletta, logħba li rat lil Floriana jirċievu t-trofew bħala Champions. Il-partita xorta kienet missielta sal-aħħar tisfira, biż-żewġ timijiet dehru kuntenti b’dak li kisbu. Qabel il-partita, il-plejers Furjaniżi xeħtu l-fjuri lill-ispettaturi. Il-prestazzjoni ma kinitx l-aqwa waħda li seta’ jkollhom, b’rapport fil-ġurnal In-Nazzjon l-għada tal-logħba, jiddeskrivi li l-entużjażmu ma kienx fl-aqwa tiegħu.
Fl-ewwel taqsima, il-logħba kien aktar f’nofs il-grawnd, bi ftit azzjonijiet denji. Fit-tieni taqsima, il-logħob tjieb għalkemm xorta l-azzjonijiet baqgħu skarsi. Floriana kienu bil-formazzjoni regolari tagħhom. Louis Arpa ma rritornax iżda rritorna Salvu Bonello, b’Ġorġ Ciantar ma lagħbx f’dik il-logħba. Valletta marru viċin il-gowl fl-ewwel minuti, b’xutt fil-baxx ta’ Dennis Fenech li għadda minn fuq il-linja u ħabat ma’ sieq il-lasta qabel ġie mbiegħed minn Camilleri.
Il-gowlkiper ta’ Valletta Freddie Debono daħal darbtejn fl-azzjoni f’temp ta’ ftit minuti. L-ewwel salva daqqa ta’ ras insidjuża ta’ Ray Xuereb imbagħad salva lit-tim tiegħu minn awto-gowl. Xutt ta’ Xuereb ħabat ma’ Joe ‘Pesu’ Borg u kien destinat li jidħol fix-xibka, iżda Debono laħaq il-ballun fil-ħin. Il-logħba kienet ikkontrollata minn Tommy Restall.
Fi tmiem il-partita, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew Johnnie Walker lill-captain ta’ Floriana Willie Vassallo. Fil-kampjonat, Floriana spiċċaw b’31 punt, b’telfa biss minn 18-il logħba, u seba’ punti aktar minn Sliema Wanderers.
//= $special ?>