Lokali

67 taħrika għal sewqan b’veloċità eċċessiva

Il-Pulizija mis-Sezzjoni tat-Traffiku ħarġet 67 taħrika l-Ħadd filgħodu minħabba sewqan b’veloċità eċċessiva fosthom fi Triq Louis Wettinger magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa u fi Triq Ħal Far, f’Birżebbuġa.

Dan seħħ flimkien ma’ Pulizija tal-RIU u l-Pulizija tal-Komunità tal-Mellieħa fejn l-ogħla veloċità rreġistrata kienet ta’ mutur li nqabad isuq b’137 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 60 kilometru fis-siegħa, fil-bypass tal-Mellieħa.

Il-Pulizija ħarġu wkoll 11-il taħrika minħabba numru ta’ irregolarijiet differenti.

Minbarra dawn it-taħrikiet, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku komplew jagħmlu rondi f’diversi toroq oħra, b’enfasi wkoll fuq l-użu tal-mobile waqt is-sewqan u fuq vetturi kummercjali, kif ukoll tħaris tar-regolamenti skont l-Avviż Legali dwar in-numru ta’ persuni fi spazji pubbliċi.