Fil-ħamsin jum li fih Malta rat diversi każijiet pożittivi, għall-ewwel darba ma kienx hemm każ ta’ persuna li ttestjat pożittiva. Dan filwaqt li 33 persuna oħra fieqet mill-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne flimkien mas-Supretedent tas-Saħħa Publikka, Prof. Charmaine Gauci waqt konferenza stampa.
B’hekk, it-total ta’ każi pożittivi fil-Gżejjer Maltin baqa’ l-istess bħal jum l-għadda, dak ta’ 448. B’kollox huma 282 persuni li s’issa fiequ mill-infezzjoni tal-Covid-19 u t-total ta’ każi attivi huwa dak ta’ 162.
Il-Ministru tas-Saħħa qal li l-ebda żieda fin-numru ta’ pożittivi ma jfissirx li mhux se jkun hemm żieda fil-persuni pożittivi u b’hekk talab biex in-nies jibqgħu jsegwu l-miżuri li pajjiżna daħħal fl-aħħar ġimgħat.
Wara 7 ġimgħat ta’ sagrifiċċju, il-Ministru Chris Fearne ħabba li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jiġu reveduti diversi miżuri li ddaħħlu minħabba l-pandemija. Fearne qal li skont ix-xjenza li saret s’issa, uħud mill-miżuri se jkunu qed jiżdiedu, oħrajn jiġu emendati biex tinfetaħ il-ħajja soċjali, filwaqt li oħrajn jitnaqsu biex l-ekonomija tal-pajjiż terġa’ tibda miexja ‘l quddiem. Dan biex kemm jista jkun ma jkunx hemm it-tieni mewġa tal-Covid-19 f’Malta.
It-tibdil fil-miżuri ma jistax iseħħ qabel ġimagħtejn wara dik magħrufa bħala r-rata produttiva. Dan ifisser li ma jridx ikun hemm iktar persuni pożittivi għal iktar minn ġimagħtejn.
Il-Professur Gauci rrikonoxxiet il-fatt li l-każijiet dejjem qed jonqsu iżda fakkret li hemm diversi każijiet li mhumix qed ikunu jafu bihom hekk kif ma jersqux biex isirilhom it-test.
B’hekk, kien imħeġġeġ biex jekk wieħed iħoss xi sintomi iċempel fuq in-numru ‘111’ biex isirlu t-test biex il-mikrobu jinqabad mall-ewwel.
Kien innotat li 60% tal-każijiet huma rġiel filwaqt li 40% kienu nisa. Jidher li l-medja tal-età tan-nies pożittivi hi bejn l-20 u l-35 sena filwaqt li l-Professur Gauci ħeġġet biex l-anzjani jevitaw li joħorġu barra u jiltaqgħu man-nies.

