Knisja Lokali

FILMATI: Ċelebrazzjoni differenti għall-festa ta’ San Publju mill-Furjaniżi

Illum kellha tkun iċċelebrata l-Festa ta’ San Publju fil-Floriana, festa għal qaddis Protettur mhux biss tal-Floriana iżda wkoll ta’ Malta

It-tradizzjonijiet tal-festi tal-parroċċi f’Malta u Għawdex li ssoltu kienu jiġu ċċelebrati, dis-sena żgur se jieħdu xejra differenti għal kollox. Il-festa li hija magħrufa li tiftaħ l-istaġun ta’ sensiela ta’ festi hija dik ta’ San Publju fil-Floriana, festa li kellha tkun iċċelebrata l-Ħadd.

Akkost l-isfidi li ġabet magħha l-imxija tal-Coronaavirus, l-aspett ta’ festa fost il-Furjaniżi xorta waħda deher fis-seħħ, hekk kif  numru ta’ residenti  f’numru ta’ toroq xorta waħda ramaw id-drapp u kif ukoll ħarġu l-istatwi tagħhom ta’ San Publju. Mat-toroq spikkaw ukoll il-bnadar u l-bżieżaq ħodor u bojod, l-ilwien tradizzjonali tal-Floriana.

Net News infatti żar il-lokal tal-Floriana fejn fost l-oħrajn segwejna il-mixja bis-sagrament fit-toroq tal-istess lokal u kif ukoll ħadna l-kumment tal-Arċipriet tal-Floriana Dun Charles Cini.

“Erġajna ħriġna bis-sagrament u dort numru ta’ toroq tal-Parroċċa…. l-atmosfera tista’ tgħid kienet devota ħafna, fejn ħafna ħarġu fil-gallariji u t-twieqi biex jirċievu l-barka sagramentali”.

“Ir-reazzjoni kienet diversa, b’uħud sa anki ċapċpu meta raw l-Ewkaristija filwaqt li kien hemm oħrajn li sa anki qabżitilhom demgħa meta raw din ix-xena. Dan iż-żmien huwa żmien li jqanqal numru ta’ emozzjonijiet fost in-nies tal-lokal”.

Huwa fost l-oħrajn iddeskriva l-qalb Furjaniża fejn qalilna li din il-komunità xorta waħda għamlet l-għalmu tagħha biex toħloq b’xi mod jew ieħor xi forma ta’ atmosfera ta’ festa.

“Hawn għandna numru ta’ għaqiet inkluż il-Parroċċa li għamlu użu tajjeb mill-midja soċjali biex xorta waħda nfakkru lil San Publju aktar minn qatt qabel tul din il-ġimgħa wkoll”

Huwa qalilna li fost l-oħrajn flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Vilhena, inħareġ ktejjeb kommemorattiv biex dak li jkun ikollu xi ħaġa ta’ tifkira fuq San Publju għal din is-sena. Fost l-oħrajn huwa qalilna li tul din il-ġimgħa l-quddiesa fil-Parroċċa xxandret live kemm fuq it-televizjoni u kif ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook.

F’dan il-mument tant delikat għal Malta, l-Arċipriet tal-Floriana appella biex il-poplu Malti jitlob lill-Prinċep u lill-Ewwel Isqof  ta’ Malta San Publju biex iħares lill-gżejjer Maltin u Għawdxin. 

Ritratti: Matthew Tabone

Ikkummenta