Coronavirus Kummerċ Lokali Saħħa

“Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jagħti l-isptarijiet lura lill-Maltin u l-Għawdxin” – Adrian Delia

‘Wara mitt jum ta’ Gvern Laburista, l-isptarijiet baqgħu għand il-barranin għax Robert Abela li kien l-avukat ta’ Joseph Muscat meta ġie ffirmat il-ftehim li nagħtu €100 miljun biex nieħdu lura l-isptarijiet baqa’ ma kkanċellax dan il-ftehim immorali; l-kontijiet tad-dawl u ilma baqgħu għoljin minkejja li l-prezz taż-żejt huwa l-inqas fl-istorja u qed niffrankaw kważi €100 miljun; fl-eqqel tal-pandemija aktar minn 100 elf ħaddiem u self employed baqgħu mingħajr appoġġ finanzjarju; ħataf għal 100 jum lit-TVM biex iwassal il-propaganda tiegħu u jifred lin-nies. Minflok jgħidilna biċ-ċifri tas-surplus, Robert Abela għandu jgħidilna kif ħadd mhu se jibqa’ waħdu għaliex aħna lkoll pajjiż wieħed.’ hekk qal il-Kap tal-PN Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist Dione Borg fuq NET Television. 

Adrian Delia spjega kif din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni parlamentari biex jiġi kkanċellat il-kuntratt li l-Gvern ta tliet sptarijiet tal-poplu lil kumpaniji barranin. Meta sar dan id-deal ħażin, Robert Abela kien l-avukat ta’ Joseph Muscat u għadu qed jiddefendi dan id-deal li fost nuqqasijiet kbar u skandalużi, jekk jinkiser il-kuntratt ma’ Steward, għax ma għamlux xogħolhom, il-poplu jrid iħallas €100 miljun oħra minn butu. Din hija immoralità u serq ta’ flus il-poplu. Gvern Nazzjonalista  mmexxi minni jreġġa’ l-isptarijiet lura għand il-poplu, jwaqqa’ l-kuntratt li ngħatu €100 miljun oħra mill-flus tan-nies u kull min kien involut iħallas il-konsegwenzi ta’ għemilu qal Adrian Delia.

Adrian Delia tkellem dwar l-immigrazzjoni rregolari u kif iċ-ċentri jinsabu ffullati. Huwa qal li m’hawnx persuna waħda li ma taqbilx li għandna nsalvaw il-ħajjiet għaliex inkella nitilfu l-umanità tagħna, iżda b’mod immedjat għandu jidħol fis-seħħ mekkaniżmu fejn persuni li ma jikkwalifikawx għall-ażil jiġu ripatrijati u dawk li jikkwalifikaw jitqassmu b’mod ġust fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li Robert Abela uża din l-isfida bħala ballun politiku u filwaqt li l-Ministru Evarist Bartolo fil-Parlament qal dak li qegħda tgħid l-Oppożizzjoni, Robert Abela biex ikun populist jgħid verżjoni differenti, bħalma qed jagħmel ukoll fis-saħħa meta jgħid bil-kontra ta’ dak li jkun qal il-Ministru Chris Fearne. Bħala Oppożizzjoni lesti li mmorru mal-Gvern fil-fora internazzjonali sabiex inġibu dak li huwa tajjeb għal Malta, jekk il-Gvern lest li jisma’ u jaħdem favur il-pajjiż, xi ħaġa li Robert Abela baqa’ jirrifjuta li jagħmel.

Adrian Delia qal li għandna nibqgħu nsegwu d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, għaliex m’hemmx end date stabbilita għall-imxija tal-virus imma żmien ta’ tranzizzjoni fejn bil-mod innaqsu r-restrizzjonijiet u bil-mod nerġgħu lura għan-normalità. Huwa rringrazzja lil Charmaine Gauci għal xogħolha biex inrażżnu l-imxija u qal li matul il-laqgħat regolari magħna, l-PN wera l-apprezzament li l-poplu fehem u rreaġixxa tajjeb, u billi qegħdin jobdu d-direttivi qed jirnexxilna negħlbu din l-isfida flimkien. 

Adrian Delia qal li f’dawn iż-żminijiet diffiċli rridu nħarsu lejn is-sopravvivenza tas-setturi li l-iktar li ntlaqtu ħażin bħat-turiżmu, l-catering, tal-attivitajiet tal-massa u tan-negozji li kellhom jagħlqu. Irridu nħarsu ‘l quddiem wara li negħlbu l-virus x’metodi ġodda ta’ xogħol nistgħu noħolqu bl-użu tal-pjattaformi diġitali biex nbiddlu x-xogħlijiet tagħhna, fejn nużaw it-teknoloġija biex niggvernaw, noffru s-servizzi, t-tagħlim u noħolqu opportunitajiet ġodda. Filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tiltaqa’ regolarment ma’ firxa wiesa’ ta’ setturi ta’ min jaħdem u min iħaddem, sfortunatament, il-Gvern ma jridx jitkellem mal-Oppożzzjoni biex naraw kif se nsaħħu u nevolvu s-soċjetà ta’ pajjiżna biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità, biex niġġieldu l-problemi tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna biex jissaħħu s-setturi tal-igaming u tas-servizzi finanzjarji u biex insaħħu s-saltna tad-dritt biex inkunu aħjar minn qabel. 

Adrian Delia qal li rridu nistaqsu lilna nfusna x’tip ta’ Malta rridu li ngħixu fiha wara li tgħaddi l-pandemija jekk hux se nibqgħu bil-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista, b’pajjiż iffullat, bi kwalità ta’ arja ħażina u nuqqas ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan meta l-Gvern jibqa’ jkejjel bin-numri u bil-GDP minflok ikollna ikar ħin biex ingawdu l-familji tagħna, f’iktar spazji miftuħa u ambjent aħjar. Il-PN jrid ekonomija ċirkolari fejn kollox idur mal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja u l-bniedem ikun iċ-ċentru tal-politika u kulħadd jikkontribwixxi direttament lejn is-soċjetà, u b’hekk jiggwadanja pajjiżna.