Is-separatisti fin-nofsinar tal-Jemen iddikjaraw tmexxija awtonoma f’dak ir-reġjun, biex b’hekk kisru l-ftehim għall-paċi li kien iffirmat f’Novembru mal-Gvern tal-pajjiż li jgawdi rikonoxximent internazzjonali.
Il-Kunsill Tranżizzjonali tan-Nofsinar tal-Jemen, li għandu l-bażi tiegħu f’Aden, qal li se jkun qed jiggverna f’din il-belt tal-port u fi provinċji oħrajn lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż — fost id-dikjarazzjoni ta’ ‘stat ta’ emerġenza’.
Is-separatisti ta’ dan il-grupp, jew Kunsill, għandhom l-appoġġ tal-Emirati Għarab Magħquda.
Intant, il-Gvern tal-Jemen, li għandu lill-Arabja Sawdija bħala sostenitur prinċipali, wissa li dan il-pass min-naħa tas-separatisti għandu jwassal għal ‘konsegwenzi katastrofiċi u perikolużi’.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Jemen sostna li, b’dan il-pass, il-Kunsill Tranżizzjonali tas-separatisti qiegħed ikompli bir-rewwixta armata, ‘bis-separatisti qed jagħmluha ċara li rtiraw kompletament mill-ftehim għall-paċi ( fil-Jemen) li kien konkluż f’Riyadh.’
Il-ftehim għall-qsim tal-poter fil-Jemen kien iffirmat min-naħat avversarji u n-Nazzjonijiet Uniti kienet fissritu bħala pass importanti lejn it-tmiem tal-gwerra f’dak il-pajjiż.
Fl-2015, koalizzjoni taħt it-tmexxija tas-Sawdi kienet mexxiet intervent militari, b’appoġġ tal-Gvern tal-Jemen, wara li r-ribelli Houthi ( appoġġjati mill-Iran) kienu ħatfu kontroll tal-kapitali Sanaa.
Għalkemm l-Emirati Għarab Magħquda suppost jifforma parti mill-koalizzjoni, hu minnu li dan il-pajjiż qed jappoġġja lis-separatisti fin-nofsinar tal-Jemen.
il-Kunsill Tranżizzjonali tas-separatisti, f’Awwissu li għadda, kien ħataf kontroll ta’ Aden – il-belt kapitali temporanju tal-Gvern tal-Jemen – wara li akkuża lill-Gvern dwar ‘amministrazzjoni ħażina u żbaljata’.
Il-Jemen ilu straxxnat mill-effetti tal-konflitt minn Marzu tal-2015, meta r-ribelli Houthi kienu ħadu f’idejhom it-territorji lejn il-Punent, bir-riżultat li l-President, Abdrabbuh Mansour Hadi, kien kostrett li jaħrab mill-pajjiż.
L-Arabja Sawdija u tmien Stati Għarab oħra kienu allarmaw ruħhom bis-sitwazzjoni, tant li ma tilfux iż-żmien biex jibdew kampanja militari intiża biex tirristawra l-Gvern ta’ Hadi.
Filwaqt li l-uffiċjali Sawdi, fil-bidu tal-gwerra, dehru konvinti li l-konflitt fil-Jemen kellu jdum għal ftit ġimgħat biss, il-pajjiż – fost l-ifqar fid-dinja – baqa’ iġarrab il-konsegwenzi katastrofiċi ta’ sitwazzjoni karatterizzata b’ħames snin ta’ staġnar militari.
//= $special ?>