Il-ħaddiema kollha tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta huma mħassba bis-skiet tal-Gvern dwar il-pjani futuri tiegħu għall-kumpanija. Dak li l-aktar li qiegħed iħasseb lil dawn il-ħaddiema hu l-fatt li l-Gvern mhu jikkonsulta u jitkellem xejn la direttament magħhom u anqas ma’ min jirrappreżentahom.
Hemm għadd ta’ spekulazzjonijiet dwar il-pjani tal-Gvern għall-ġejjieni tal-Air Malta darba din terġa’ tibda tiffunzjona wara li tgħaddi l-kriżi COVID-19′. Imma dak li l-aktar li qiegħed jinkwieta lil dawn il-ħaddiema hu li l-Gvern kapaċi jiġi jaqa’ u jqum mis-servizz u l-lealtà li dawn il-ħaddiema taw lil pajjiżna tul is-snin li għaddew u b’daqqa ta’ pinna jkeċċi u jnaqqas ħaddiema bi skuża jew b’oħra.
Il-ħaddiema fid-diversi rwoli fl-Air Malta jemmnu li l-Gvern għandu jitkellem magħhom dwar it-triq ’il quddiem għall-kumpanija u għalihom għaliex il-linja nazzjonali tal-ajru ta’ pajjiżna hi ġawhra mill-aktar importanti biex pajjiżna jista’ fiżikament jikkomunika mad-dinja lil hinn minn xtutna.
Ħaddiema tal-Air Malta li tkellmu ma’ il-mument insistew li kieku l-Gvern m’għandux pjani ulterjuri għall-Air Malta u għalihom, allura kien juża dawn il-ġimgħat li għaddew ta’ kriżi COVID-19 biex flimkien magħhom u mar-rappreżentanti varji tagħhom jitfasslu ideat ġodda biex il-kumpanija tfittex tqum fuq saqajha wara t-telf finanzjarju kbir li qed tagħmel bħalissa.
Barra minn hekk il-Gvern u t-tmexxija tal-kumpanija setgħu ħasbu biex jużaw dan il-perjodu għal skop ta’ taħriġ għall-impjegati u anki biex isiru dawk ix-xogħlijiet tant meħtieġa li fi żminijiet ta’ rutina ma jkunux jistgħu jingħataw l-attenzjoni li jkun hemm bżonn.
Hi ħasra, skont il-ħaddiema li tkellmu ma’ il-mument, kif anki l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed idawwar wiċċu minn dak li għaddej fir-rigward tagħhom bħala l-ħaddiema tal-Air Malta u sa issa aċċetta li l-part-timers jispiċċaw bla xogħol u li aktar ħaddiema fid-diversi rwoli tal-kumpanija wkoll jispiċċaw bla impjieg.
Dawn il-ħaddiema qed jistaqsu għaliex il-Prim Ministru Robert Abela sa issa ma ħassx li kellu jitkellem dwar l-Air Malta u jintervjeni biex isalva l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema li lkoll għandhom il-familja tagħhom?
Fil-kuntest kollu – anki ta’ lealtà u s-servizz li dawn il-ħaddiema dejjem taw lil pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern qed jibagħtu messaġġ ħażin ħafna.
Fil-kwistjoni li għaddejja bħalissa bejn sezzjoni tal-ħaddiema fl-Air Malta u l-linja nazzjonali, il-Gvern qed jagħżel li jmur għat-tkeċċijiet meta r-rappreżentanti tal-ħaddiema qed jitolbu biex liż-żewġ partijet jiddiskutu u jaslu għall-ftehim anke fid-dawl ta’ ftehim ieħor iffirmat mal-istess Gvern fl-2018.
Fi kwalunkwe sitwazzjoni industrijali speċjalment fejn jidħol il-Gvern, li jitkeċċew l-impjegati għandha tkun l-aħħar miżura possibbli.
Il-ħaddiema tal-Air Malta, ta’ kull fehma u lealtà politika, jemmnu li l-Gvern qed jagħmel ħażin meta qed joqgħod jilgħab bl-emozzjonijiet tal-poplu u jkeskes lill-pubbliku kontra sezzjoni partikulari ta’ ħaddiema.
Il-ħaddiema tal-Air Malta jemmnu li huma għandhom rwol mill-aktar importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna u tul is-snin bosta drabi kienu protagonisti biex servew lil pajjiżna b’lealtà u għalhekk il-komportament tal-Gvern fil-konfront tagħhom tħalli ħafna weġgħat grazzi għan-nuqqas ta’ sensittività tal-istess Gvern.
Il-ħaddiema tal-Air Malta u tar-rappreżentanti tagħhom jemmnu li s-soluzzjonijiet iridu jinstabu mal-mejda tad-djalogu b’xi ħadd li jgawdi l-fiduċja tal-partijiet bħala medjatur. Fl-Air Malta kien hemm diversi drabi fejn biex jinstabu s-soluzzjonijiet gvernijiet preċedenti rrikorrew għall-medjatur.
Il-ħaddiema tal-Air Malta jemmnu wkoll li kien ikun iktar għaqli li kieku dak offrut lill-impjegati tal-Air Malta kien ikun japplika għal kulħadd fl-Air Malta, mill-kbir saż-żgħir. Jidher ċar li l-ikbar sagrifiċċju se jkunu qed jagħmluh il-ħaddiema.
Sadattant fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, il-Forum Unions Maltin qiegħed ikompi jappella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jintervjeni fil-kwistjoni li għaddejja bħalissa bejn il-linja tal-ajru nazzjonali l-Air Malta u l-Union tal-Cabin Crew.
Ta’ min ifakkar kif il-kumpanija, ftit tal-ġimgħat ilu biss, waqqfet lill-ħaddiema part-timers b’kuntratt definit. Imbagħad l-attenzjoni ddawret fuq il-piloti tant li fis-7 tax-xahar it-tmexxija tal-Air Malta kitbet lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħol (DIER) u spjega li l-Air Malta se tkeċċi 108 pilota minn total ta’ 134… uħud minnhom piloti li ilhom jaħdmu mal-Air Malta għal snin twal. Dan ifisser li l-linja nazzjonali tal-ajru kienet se żżomm 26 pilota.
Din id-deċiżjoni tal-kumpanija mmaturat wara li l-Air Malta u l-ALPA, il-Union li tirrappreżenta lill-piloti tal-Air Malta, ma qablux fuq pjan ta’ tnaqqis ta’ spejjeż għall-kumpanija. Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju l-ALPA fissret li l-piloti tal-Air Malta se jibqgħu jservu lill-pajjiz fl-aħjar interess nazzjonali… anki f’dan il-mument tassew difficli.
//= $special ?>