Internazzjonali

Il-pajjiżi tad-dinja jkomplu jikkonfrontaw il-coronavirus — b’uħud jikkunsidraw l-ewwel passi fit-triq lejn in-normalità

Numru ta’ pajjiżi qed iħejju biex jibdew ġimgħa oħra taħt il-lockdown b’kaġun tal-coronavirus waqt li oħrajn – minkejja l-impatt terribbli tal-Covid-19 – qegħdin jaħsbu biex jiftħu ftit is-setturi tax-xogħol li ilhom magħluqin għal ġimgħat biex ma jinfirxux l-infezzjonijiet.

Dan meta l-aħħar ċifri urew li mat-2.89 miljuni spiċċaw infettati bil-coronavirus madwar id-dinja – b’201,833 jitilfu ħajjithom b’konsegwenza. (Din iċ-ċifra mistennija tiżdied matul il-lejl u skont l-istatistika li għaddejja mill-aġġornamenti minn siegħa għall-oħra.)

Ir-Renju Unit, intant, hu fost il-pajjiżi li qegħdin juru kawtela kbira huma u jikkunsidraw l-aħjar mod kif inaqqsu mil-lockdown li ilu impost għal xahar fl-artijiet tiegħu. Dan fost it-twissijiet konsistenti li kull azzjoni li tittieħed bl-għaġġla kapaċi tirriżulta f’tieni mewġa ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19.

Sadanittant, l-Italja –l-agħar pajjiż milqut mill-coronavirus fl-Ewropa – mistennija tippermetti l-ftuħ ta’ xi negozji mill-ġimgħa d-dieħla. Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, tenna, sadanittant, li s-setturi tal-kostruzzjoni u l-manifattura f’pajjiżu kapaċi jinfetħu mill-ġdid mill-4 ta’ Mejju.

Il-ġurnata tallum, fi Spanja, ġabet it-tamiet ġodda – u mhux ftit tan-nifs – għal ħafna tfal li, għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat, kienu sfurzati jgħixu taħt wieħed mill-aktar lockdowns stretti fost il-pajjiżi tal-Ewropa.

Id-dehra tat-tfal ħerġin mid-djar tagħhom – uħud minnhom bis-scooters u skateboards – riflettiet il-kundizzjonijiet ġodda tal-lockdown fejn it-tfal taħt l-14-il sena ‘biss’ jistgħu jiddevertu għal siegħa fuq barra u mingħajr ma jmorru aktar minn kilometru ‘il bogħod mir-residenza tagħhom.

Il-parks għadhom ipprojbiti għat-tfal, bil-Gvern Spanjol qed jikkunsidra li jkompli jnaqqas mir-restrizzjonijiet lejn nofs ix-xahar id-dieħel.

‘Il hinn mill-Ewropa, numru kbir ta’ Amerikani mlew il-bajjiet tal-Istati Uniti fi tmiem il-ġimgħa – u minkejja li l-każi ġodda tal-coronavirus laħqu għoli rekord fis-sigħat preċedenti. Ir-rapporti qalu li l-awtoritajiet fi Florida county żiedu l-aċċess għall-bajjiet fost mewġa ta’ sħana li ħakmet fl-Istat ta’ Kalifornja.

L-Arġentina se testendi perjodu ta’ kwarantina stretta – fuq bażi nazzjonali – sal-10 ta’ Mejju, bil-President Arġentin, Alberto Fernandez, isostni li ‘din hi l-aqwa strateġija li l-pajjiż jista’ jieħu biex jevita aktar infezzjonijiet bil-coronavirus’.

Sinjali oħra li l-ħajja qed tirritorna xi ftit għan-normal dehru wkoll fil-Korea t’Isfel, fejn il-knejjes il-kbar fetħu mill-ġdid – u fejn id-devoti huma mħeġġa biex iżommu d-distanza u jilbsu l-maskli tal-wiċċ. Dan wara li l-Gvern f’Seoul naqqas ir-restrizzjonijiet għall-avvenimenti reliġjużi.

Mill-banda l-oħra, il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, appella biex iċ-ċittadini jirrispettaw ‘mija-fil-mija’ il-lockdown nazzjonali u jżommu kemm jistgħu ‘il bogħod minn xulxin. It-twissija ħarġet meta l-każi tal-coronavirus żdiedu, fl-Indja, minkejja l-curfew fil-pajjiż li ilu effettiv għal aktar minn xahar.

Il-Gvern tal-Awstralja, intant, introduċa tracing app kontroversjali għall-coronavirus waqt li wiegħed leġislazzjoni li taħseb għall-protezzjoni tal-privatezza tal-individwu ‘fi ħdan is-sistema tat-tracking’. L-awtoritajiet Awstraljani, f’dawn il-jiem, se jistinkaw biex jirristawraw element ta’ normalità għall-ekonomija nazzjonali.

Miċ-Ċina hemm aħbar tajba, bl-uffiċjali fil-belt ta’ Wuhan – il-belt sinonima mal-bidu tal-pandemija globali – isostnu li ‘ma fadalx pazjenti morda bil-coronavirus’ fl-isptarijiet lokali.

Il-coronavirus qed iħalli l-konsegwenzi anki fl-Afrika u l-Lvant Nofsani – bl-Arabja Sawdija tnaqqas il-curfews f’artha, għalkemm baqa’ effettiv il-curfew għal 24 siegħa fil-belt ta’ Mecca u fid-distretti li sa ftit ilu kienu iżolati mill-kumplament tal-pajjiż.

Iżrael ippermetta li jiftħu mill-ġdid numru ta’ negozji u għandu jikkunsidra li jiftaħ l-iskejjel tat-tfal bħala parti minn programm li jaħseb biex inaqqas mir-restrizzjonijiet tal-coronavirus u (anki) biex jistimola l-ekonomija li għaddejja minn żmenijiet diffiċli.

Sadanittant, l-Afrika t’Isfel qed tfittex l-ekwivalenti ta’ 4.99 biljun dollaru mingħand ‘sorsi ta’ self multilaterali’ – b’din is-somma għandha tgħinha biex tiġġieled lill-pandemija tal-Covid-19.

Min-naħa tagħha, il-Greċja – li wkoll għaddejja minn żmien ta’ restrizzjonijiet minħabba l-coronavirus —  qed tistenna li l-ekonomija tagħha tonqos b’rata ta’ bejn ħamsa u għaxra fil-mija din is-sena. Dan, almenu, hu l-pronostiku tal-Ministeru tal-Finanzi f’Ateni.