Il-President George Vella innota bi pjaċir li għall-ewwel darba ma kellna ebda każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta
Il-President ta’ Malta ingħaqad mal-appelli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa li dan ma jfissirx li din l-imxija waqfet milli tattakkana, imma jfisser li l-ħidma mill-poplu Malti u Għawdxi, u l-mod kif sa issa kkopera l-pubbliku, b’ħafna sagrifiċċji personali, jidhru li qed jaħdmu u qed iħallu r-riżultati mixtieqa.
Dan ifisser li bil-mod il-mod qed jitbiegħdu minna l-biżgħat ta’ dawk id-diżastri umanitarji li rajna jseħħu f’pajjiżi ġirien tagħna.
Il-President enfasizza l-gratitudni kbira li għandu jkollna lejn it-tobba u l-infermiera u l-ħaddiema kollha tas-Saħħa inkluż is-Supridendent tas-Saħħa Pubblika li ħadmu qatigħ biex saħħitna u saħħet l-għeżież tagħna ikunu mħarsa u protetti.
Huwa rringrazzja lil dawn il-professjonisti għad-dedikazzjoni eżemplari li ddedikaw irwieħhom għal din il-ġlieda fl-interess tagħna, tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>