Fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19 in-negozji fit-turiżmu jinsabu f’morsa li dejjem qed tissikka.
Dan qalu l-kap tat-Taqsima tat-Turiżmu fi ħdan il-Kamra tal-SMEs, Philip Fenech, f’kummenti lill-gazzetta ILLUM fejn qal illi iktar ma ttawwal din is-sitwazzjoni f’pajjiżna ….iktar se tkun kbira d-daqqa ta’ ħarta fuq in-negozji.
Din is-sitwazzjoni se twassal biex in-negozji jkollhom ikeċċu lil ħaddiema minhabba li qed jispiċċaw bla flus. Fakkar li ħadd m’għandu riżorsi infiniti, b’mod speċjali dawk il-ħwienet li għadhom qed iħallsu l-kirjiet taghhom.
Il-problema tal-kirijiet qed tinkwieta lil ħafna li minkejja li l-Gvern qed joffri xi għajnuna, din mhix qed tkun biżżejjed biex ilaħqu mal-ispejjeż kollha, fosthom diversi kontijiet li ghadhom jiġu ma’ wiċċhom.
U huwa propju ghalhekk illi huma ħafna dawk li qed jitolbu biex il-Gvern jieħu azzjoni mmedjata dwar il-kirjiet.
Philip Fenech qal illi s-sitwazzjoni se tkompli tigrava meta jasal iż-żmien li n-negozju jerġa’ jibda mill-bidu, liema pass se jkun jirrikjedi iktar flus biex tingħata l-ispinta meħtieġa.
L-industrija tat-turiżmu f’pajjiżna timxi l-iktar b’individwi li jiġu mill-Italja, Franza, Ġermanja u r-Renju Unit, liema pajjiżi intlaqtu l-iktar ħażin mill-Coronavirus – u allura, dan il-fatt se jolqot direttament lil Malta meta numru ta’ xhur ohra jerga’ jiftah l-ajruport.
Philip Fenech wissa li pajjiżna se jkollu jimxi b’ekonomija ristretta mmens. Hu talab lil Gvern biex jgħaraf li issa l-mument li jsir ix-xogħol infrastrutturali fil-Qawra, Tas-Sliema u f’San Ġiljan. Dan filwaqt li qed Fenech ibassar li s-sajf li ġej se jkun wieħed kwazi ineżistenti għall-industrija tat-turiżmu u l-ekonomija dinjija.
Stħarriġ tal-Kamra tal-SMEs wera illi 40% tal-ħwienet f’pajjiżna diġa’ għalqu l-bibien tagħhom minħabba l-Coronavirus. Terz tan-negozji huma inkwetati kif se joħorġu l-pagi filwaqt illi l-istess negozji qed jgħidu li l-ghajnuna tal-Gvern qed iddum biex tasal.
Ic-Chamber tal-SMEs qed tinsisti li f’din il-kriżi, għandhom jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u ilma.

