Ir-Renju Unit qed jantiċipa r-ritorn tal-Prim Ministru, Boris Johnson, li mit-Tnejn se jassumi mill-ġdid id-doveri tat-tmexxija — ġimgħat wara li kien spiċċa f’sitwazzjoni gravi meta marad bil-coronavirus.
Johnson ilu tliet ġimgħat jirkupra mill-effetti tal-marda, iżda minn għada għandu ‘ikompli minn fejn ħalla’ ladarba jirritorna fl-uffiċċju tiegħu f’Downing Street (f’Londra).
Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, li kien qed imexxi l-pajjiż fl-assenza ta’ Johnson, tenna li ‘il-Prim Ministru hu ħerqan ħafna li jidħol għax-xogħol mill-ġdid’.
Dan wara li Boris Johnson kien iddaħħal l-Isptar ta’ St Thomas (f’Londra) fil-5 ta’ April, fejn kellu jqatta’ tlett iljieli taħt kura intensiva wara li spiċċa ibati biex jieħu n-nifs.
Il-Prim Ministru qal, wara, li ‘hu kien jaf ħajtu lill-istaff mediku ddedikat’ filwaqt li ammetta li kien hemm żmien meta l-kundizzjoni tiegħu ‘setgħet marret naħa jew oħra’.
Boris Johnson, fl-aħħar jiem, ma kienx qed jinvolvi ruħu f’xi ħidma tal-gvern uffiċjali u waqt li hu kien qed jikkonkludi l-perjodu ta’ konvalexxenza fir-residenza ta’ Chequers, lejn il-limiti ta’ Buckinghamshire.
Madankollu, Johnson, jiem ilu, tkellem mar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra kif ukoll mal-President Amerikan, Donald Trump – filwaqt li kellu wkoll diskursati ma’ Dominic Raab u l-Ministru (Kanċillier) tal-Finanzi, Rishi Sunak biex janalizzaw il-fażi li jmiss fir-reazzjoni tal-Gvern għall-coronavirus.
Fl-aħħar kummenti tiegħu, Dominic Raab qal li hi ħaġa pożittiva ħafna għall-pajjiż li se jkollu l-Prim Ministru lura, bil-preżenza ta’ Johnson ‘għandha sservi bħala stimolu għall-Gvern u għall-poplu’.
Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin – bħala t-tieni l-aktar membru influwenti tal-Kabinett– faħħar lill-kollegi u lill-uffiċjali taċ-ċivil għall-mod kif huma konfrontaw il-kriżi tal-coronavirus.
Filwaqt li l-vittmi tal-coronavirus fir-Renju Unit issa qabżu l-20,000 ( u li ma jirriflettux il-veru impatt tal-pandemija) Dominic Raab iddefenda lill-Gvern għal kif ikkonfronta s-sitwazzjoni. Hu spjega li l-mejtin mill-coronavirus kienu jkunu aktar li kieku l-Ministri f’Londra ma segwewx il-pariri xjentifiċi u ma ħadux id-deċiżjonijiet għaqlin fiż-żmien opportun.
//= $special ?>