Meta l-Italja daħlet fit-tieni fażi tal-pandemija tal-coronavirus, f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Taljan ħabbar li wara l-4 ta’ Mejju l-Italja se tkun qed tibda terħi ċertu restrizzjonijiet. Fost ir-restrizzjonijiet hemm li mill-4 ta’ Mejju l-atleti professjonali u anke dwak li mhumiex professjonali jistgħu jerġgħu jibdew jitħarrġu fuq bażi individwali. It-taħriġ f’grupp se jkun permess mit-18 ta’ Mejju.
Dwar il-kampjonat tas-Serie A, il-pjan hu li l-kampjonat ikun jista’ jitkompla bejn l-10 u t-12 ta’ Ġunju b’bibien magħluqa. Dan il-pjan għadu jrid jiġi verifikat mill-Ministru tal-Isport Taljan Vincenzo Spadafora. It-timijiet tas-Serie A iżda qegħdin isegwu dan il-pjan, bl-iskwadri qed isejjħu lil dawk il-plejers li ħallew il-pajjiż biex jirritornaw lura. Hu pjanat ukoll li l-kampjonat jintemm fil-bidu ta’ Lulju biex b’hekk jingħata spazju għal preparazzjoni lit-timijiet li jinsabu fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Biex dan iseħħ kull tim se jkun qiegħed jilgħab kull tliet ijiem wara bibien magħluqa. Se jsiru arranġamenti biex il-logħob tat-timijiet fit-Tramuntana tal-pajjiż jintlagħbu f’grawnd oħra. Il-logħbiet kollha se jkunu qed jintlagħbu taħt sigurtà massima filwaqt li se jkunu qegħdin jiġu mħarsa r-regolamenti kollha maġruġa mill-Gvern Taljan.
//= $special ?>