Lokali

Joħroġ għonqu għall-bejgħ tal-passaporti f’nofs pandemija globali

Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ uża l-jum tal-Ħadd għal diskors partiġġjan fejn kważi injora l-pandemija tal-Coronavirus u ħareġ għonqu għall-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

F’intervista fuq l-istazzjon Laburista, Robert Abela saħaq li beda djalogu biex isalva din l-iskema u qal li l-bejgħ tal-passaporti Maltin mhux se jieqaf.

F’intervista fuq l-istazzjon Laburista, Robert Abela qal li jrid iżomm skema li għalkemm l-Gvern qed jgħid li daħħal il-flus minnha, ftit li xejn rajna dawn il-fondi jiġu użati biex jiġu mgħejjuna l-familji Maltin u Għawdxin skema li ħamritilna wiċċna mad-dinja kollha.

Il-Prim Ministru rrefera għal bejgħ taċ-ċittadinanza bħala wieħed importanti ħafna għalih fejn saħa li “kieku ma kelliniex dan il-programm kelna diffikultà biex nibnu l-war chest.” War Chest li nsiet mal-110,000 ħaddiem. War chest li ħalliet lill-poplu Malti jħallas fost l-għola kontijiet tad-dawl u l-ilma anke meta l-prezz taż-żejt qiegħed l-inqas li kien mill-1999 l’hawn.

Hu stqarr li se jkun “Konsistenti fil-pożizjzoni biex dan il-programm niddefenduh … Se nibqghu nisħqu dwarhu u nidefenduh.”

Il-Prim Ministru qatta’ l-biċċa l-kbira tal-intervista tiegħu jitkellem b’diskors partiġġjan immirat biss biex jirbaħ il-voti minn stiwazzjoni kritika.

Dan filwaqt li ftit li xejn tkellem dwar il-COVID-19 f’pajjiżna u x’se jiġri mill-miżuri li bħalissa hemm imposti għajr għal kumment li qed noqorbu lejn il-mument li jitnaqqsu l-miżuri.

Waqt l-istess intervista, Robert Abela tkellem dwar l-iskart u t-tkabbir tal-miżbla tal-Magħtab fejn kompletament injora l-fatt li Gvern Laburista għal seba’ snin  ħalla l-iskart suppost ‘Sort it Out’ jiġi mħallat tant li issa se tittieħed art verġni biex isir spazju fejn jitpoġġa l-iskart.

Din kienet waħda mill-ħafna intervisti li għamel Robert Abela fl-aħħar ġimgħat kemm fuq ix-xandir tal-istat u x-xandir Laburista mingħajr ebda ġurnalisti preżenti biex isaqqsu l-mistoqsijiet li l-poplu Malti u Għawdxi jixtieq li jkunu mwieġba mill-Prim Ministru.