Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Dehra ta’ ferrovija żżid l-ispekulazzjoni dwar Kim Jong-un

L-ispekulazzjoni dwar il-kundizzjoni tal-Mexxej tal-Korea komunista, Kim Jong-un, qed tippersisti minn jum għall-ieħor. Intant, l-għajdut dwaru irrankaw wara li dehret ferrovija f’inħawi lejn il-lvant tal-pajjiż u li kienet indikata bħala waħda mill-mezzi tat-trasport li s-soltu juża l-istess Kim Jong-un.

L-għajdut li saħħet Kim Jong-un qalbet għall-agħar ‘u sal-punt fejn jista’ ikun kritiku’ ma battewx mindu hu, fil-15 ta’ April, naqas milli jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet tad-data tat-twelid ta’ nannuh, Kim Il-sung, li kien waqqaf dan l-Istat komunista għexieren ta’ snin ilu.

Issa, numru ta’ ritratti meħudin bis-satellita u li għaddew mill-analiżi ta’ 38North — websajt ibbażat fl-Istati Uniti – urew il-ferrovija wieqfa fi stazzjon irriservat għall-familja ta’ Kim, f’Wonsan, bejn il-21 u t-23 ta’ April.

Għalkemm id-dehra tal-ferrovija ‘ma indikat xejn dwar l-istat tas-saħħa  ta’ Kim’, żdiedet il-possibbiltà li l-Mexxej komunista jinsab f’zona riservata għall-elit komunista qrib ix-xatt, lejn il-lvant ta’ pajjiżu.Kim Jong-un ilu ma jidher fil-pubbliku mill-11 ta’ April u ċerti sorsi tal-aħbarijiet qalu li hu kien għadda minn kirurġija tal-qalb b’urġenza minħabba l-effetti tat-tipjip u l-obeżità.

Intant hu diffiċli ħafna biex is-sorsi indipendenti jiksbu dettalji konkreti ‘minn ġewwa’ dwar it-tmexxija ta’ Kim, meta l-Korea ta’ Fuq tibqa’ ‘l-aktar Stat magħluq fih innifsu’ mill-pajjiżi kollha tad-dinja.