Lokali

L-ewwel mitt jum ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru

Jirbaħ l-elezzjoni għat-tmexxija tal-PL

12 ta’ Jannar tal-2020 – Wara kampanja interna qalila għat-tmexxija tal-Partit Laburista, il-konsulent ta’ Kastilja l-Avukat Robert Abela għeleb lill-Viċi Deputat Mexxej Laburista – it-Tabib Chris Fearne – u nħatar il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.

Robert Abela rebaħ l-elezzjoni għall-kandidatura b’57.9 fil-mija tal-voti mitfugħa mid-delegati Laburisti. Robert Abela kiseb total ta’ 9,342 vot… vantaġġ ta’ 2,544 vot fuq Chris Fearne li kiseb b’kollox 6,798 vot. B’hekk Robert Abela sar id-disa’ Mexxej tal-Partit Laburista, bil-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ssir l-għada waqt ċerimonja fil-Palazz tal-President, fil-Belt.

Jaħtar l-akbar Kabinett fl-istorja ta’ pajjiżna

Il-Prim Ministru Robert Abela jaħtar l-akbar Kabinett tal-Ministri ffurmat minn 25 Deputat – 17-il Ministru u tmien Segretarji Parlamentari.

Jiffaċċja l-ewwel skossi fil-Kabinett

Il-Prim Ministru Robet Abela jiffaċċja l-ewwel skossi serji fil-Kabinett li kien għadu kemm ħatar u jtajjar lil Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex. Dan wara li ħarġu fid-deher il-ħbiberiji ta’ żewġha Silvio Valletta, Eks Fizzjal Għoli fil-Korp tal-Pulizija – Assistent Kummissarju – ma’ Yorgen Fenech, l-imprenditur u n-negozjant li spiċċa investigat u mressaq il-Qorti dwar id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

Jipproponi lil Konrad Mizzi bħala Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-OSCE

L-ewwel ħasda mill-Prim Ministru l-ġdid jaħtar lill-Eks Ministru Konrad Mizzi minflok Rosianne Cutajar bħala l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fl-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

Din kienet deċiżjoni li wriet li Robert Abela se jissokta jimxi fuq il-passi ta’ Joseph Muscat u li l-affarijiet ma kienu se jinbidlu assolutament xejn.

Kuntratt skandaluż lil Konrad Mizzi fl-MTA

Ħasda oħra immedjata mill-Prim Ministru Robert Abela kienet l-aħbar dwar il-ħatra tal-istess Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi bħala Konsulent tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) kuntratt li kien se jiswa lill-poplu xejn inqas minn €80,000 fis-sena.

Jagħti promozzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija

Jissoktaw l-anomaliji fl-ewwel jiem ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ġdid hekk kif ta promozzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u filwaqt li dan irriżenja mill-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, tah ir-rwol ta’ Konsulent tal-Ministeru tal-Intern li allura jkopri lill-Pulizija, lill-Armata, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Ħabs ta’ Kordin u lis-Servizz Sigriet Malti.

Laqgħa sigrieta ma’ Stewart

Il-Prim Ministru Robert Abela, allura eks konsulent ta’ Joseph Muscat f’Kastilja sa mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura, f’laqgħa misterjuża mal-istess Joseph Muscat u Armin Ernst li hu l-President ta’ Stewart Healthcare International.

Ma jwaqqafx il-kuntratt skandaluż ma’ Stewart

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju l-Prim Ministru Robert Abela jissokta għaddej bil-kuntratt skandaluż tal-Gvern ma’ Stewart Healthcare International hekk kif il-Gvern tahom tliet sptarijiet pubbliċi b’xejn u għalxejn lil kumpanija li ġiet mix-xejn.

L-Oppożizzjoni għamlet pressjoni kontinwa fuq il-Gvern u fuq il-Prim Ministru Robert Abela biex jieħu azzjoni immedjata fuq il-ftehim tat-tliet sptarijiet ma’ Vitals u Steward, iżda sa issa għadu qed ikaxkar saqajh u minkejja li għaddejjin minn kriżi fil-qasam tas-saħħa, għalih is-saħħa tan-nies mhix urġenti. Robert Abela kien l-Avukat ta’ Joseph Muscat meta kien iffirmat il-kuntratt ma’ Vitals, filwaqt li jingħataw €100 miljun oħra lil Steward mit-taxxi tan-nies jekk is-settur tas-saħħa jfalli.

Jinqabad fuq sieq waħda

Il-Prim Ministru Robert Abela, quddiem kriżi dejjem tikber tal-immigrazzjoni, jinqabad fuq sieq waħda ta’ x’se jagħmel quddiem opri tal-baħar imballati bl-immigranti fiz-zona ta’ baħar li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ pajjiżna.

Jinfexx f’attakk partiġġjan

Il-Prim Ministru Robert Abela, fuq il-midja Laburista u intervistat minn xandara tal-Istat, jinfexx f’attakk partiġġjan kontra l-Oppożizzjoni u kontra l-Kap Nazzjonalista, fejn tenna diskors ta’ firda f’dan il-mument delikat għal pajjiżna.

Jinqabad ma jgħidx il-verità

Il-Prim Ministru Robert Abela nqabad ma jgħidx il-verità dwar żewġ denunzji li saru fil-konfront tal-Gvern minn ‘Repubblika’ u minflok ipprova jagħti l-impressjoni li dawn id-denunzji saru mill-Partit Nazzjonalista.

Mheżżeż bi skandlu goff fil-Korp tal-Pulizija

L-ewwel mitt jum tal-Prim Ministru Abela huma karatterizzati wkoll mill-mod xejn dinjituż kif inhuma trattati aktar minn tletin Pulizija li kienu jservu fit-Taqsima tat-Traffiku tal-Korp tal-Pulizija u li kienu indagati dwar serq ta’ sahra, ekstra u fjuwil.

Il-Prim Ministru Robert Abela

Pajjiżna jissokta bla Kummissarju tal-Pulizija

Il-Prim Ministru Robert Abela jidher li hu komdu f’pajjiż fejn m’hawnx Kummissarju tal-Pulizija. Issa pajjiżna ilu bosta ġimgħat immexxi minn Aġent Kummissarju tal-Pulizijja.

Jinqabad f’kunflitti ripetuti

Fl-isfond tal-pandemija COVID-19, fejn sa issa l-affarijiet kienu jidhru li qed jinżammu taħt kontroll, bosta drabi l-Prim Ministru Robert Abela nqabad f’kunflitt mal-pożizzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Filwaqt li l-awtoritajiet tas-saħħa kontinwament iħeġġu lill-poplu biex ma joħroġx minn daru jekk mhux għaliex tassew għal bżonn, il-Prim Ministru Robert Abela ma ddejjaqx iħeġġeġ lin-nies biex joħorġu iżda jżommu s-social distancing.

Jevita kull diskussjoni

Filwaqt li tul il-pandemija COVID-19 il-Prim Ministru Robert Abela evita kull opportunità ta’ diskussjoni fuq livell nazzjonali u anki mal-Oppożizzjoni, imbagħad ma ddejjaqx iwassal messaġġ fis-singular: Obdu r-regolamenti biex ma tħarbtulix is-sajf!”

Jinjora t-talbiet tal-imsieħba soċjali

Il-Prim Ministru Robert Abela anqas kellu d-deċenza jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali u jiddiskuti magħhom it-triq ‘il quddiem dwar l-għajnuniet li hemm bżonn lid-diversi setturi li qed jintlaqtu direttament mill-pandemija COVID-19.

Ma jirrealizzax li l-faqar se jgħolli rasu

Tikber il-faxxa ta’ individwi u familji fir-riskju tal-faqar li issa jaqgħu direttament fil-faqar għal diversi raġunijiet… mhux biss l-għoli tal-ħajja, iżda għaliex id-dħul tagħhom hu ferm inqas, issa m’għandhomx il-mezzi biex iħallsu l-bżonnijiet bażiċi tagħhom bħalma huma l-kirjiet u l-bżonnijiet tal-familja.

Jimbarka fuq bini ta’ sptar ġdid

Fl-isfond tan-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul għas-settur tas-saħħa, il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela ħareġ bl-idea li jibni sptar ġdid prefabbrikat biswit l-Isptar Mater Dei. Il-Gvern qal li dan l-isptar irid li jinbena f’temp ta’ tmien ġimgħat biss!

Skatta l-proċess tal-ħruġ tal-offerta u l-aġġudikazzjoni tagħha. Ingħad li min hu interessat kellu jitfa’ l-offerta fi żmien tlett ijiem biss.

Ma jraħħasx id-dawl u l-ilma

Quddiem l-għajta tal-poplu għat-traħħis tal-prezzijiet tad-dawl u l-ilma, il-Prim Ministru Robert Abela tul il-mitt jum li għaddew baqa’ gallarija, indifferenti u passiv.

Ma jraħħasx il-petrol u d-diesel

Anki fejn jidħlu l-prodotti tal-petrol u d-diesel, il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jistaqsi għalfejn qiegħed ikollu jħallas ħafna aktar bil-għoli minn popli oħrajn fl-Unjoni Ewropea. U għaliex tul dawn l-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela ma għamel xejn biex raħħas dawn il-prodotti tant essenzjali?

‘Il bogħod milli jassigura li l-ġustizzja ssir

Minkejja l-aspettattiva kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela seta’ jwassal biex tibda ssir ġustizzja ma’ diversi persuni u li din il-ġustizzja tkun tidher li qed issir u ssir b’mod immedjat, sal-lum għadu ma għamel xejn biex persuni b’dellhom tqil ikunu investigati tassew.

Ebda reazzjoni għal talba dwar Inkjesta Pubblika

Il-Prim Ministru Robert Abela sa issa ma kellu l-ebda reazzjoni għat-talba li saritlu mill-Oppożizzjoni biex issir Inkjesta Pubblika Indipendenti biex jinstab jekk Miriam Pace tilfitx ħajjitha traġikament kawża ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-istituzzjonijiet.

Indifferenti quddiem l-isfreġju ta’ eluf ta’ siġar imqaċċta

Jissokta l-isfreġju ambjentali f’pajjiżna bit-tqaċċit, il-qlugħ u l-qtugħ ta’ eluf ta’ siġar f’diversi bliet u rħula u bil-karba tar-residenti u tal-għaqdiet ambjentalisti taqa’ fuq widnejn li ma jridux jisimgħu.

Idawwar ħarstu mit-tkeċċijiet fl-Air Malta

Il-ħaddiema tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta huma ffaċċjati minn żminijiet diffiċli ħafna. Il-part-timers bix-xogħol tagħhom itterminat sal-aħħa ta’ April għaliex il-kuntratt mhux se jiġġedded. Full-timers ukoll se jkollhom ix-xogħol tagħhom itterminat.

Kumpanija tingħata eluf ta’ ewro biex tipprova tagħmel cover-up

Allura l-mistoqsija tippersisti il-Prim Ministru Robert Abela hu tkomplija ta’ Joseph Muscat? Kif jiġġustifika l-fatt li l-kumpanija BEAT Ltd ingħatat direct order oħra ta’ €6,000 mill-Enemalta biex tipprova tagħmel cover-up tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar tbagħbis fl-għoti tal-kuntratt għall-bini ta’ powerstation u x-xiri tal-provista tal-elettriku?

Jissokta bl-Iskema tal-Bejgħ tal-Passaport

Il-Prim Ministru Robert Abela kien mistenni minnu li jirrevedi bis-serjetà l-Iskema tal-Bejgħ tal-Passaport Malti… anzi saħansitra li jwaqqaf din l-Iskema li tbiegħ lil pajjiżna.

Għawdex mitluq għal riħu

Quddiem il-karba tal-Għawdxin li jridu s-serħan tal-moħħ dwar il-faċilitajiet tas-saħħa li għandhom fil-gżira ta’ Għawdex – minħabba r-rapporti ripetuti li l-Isptar Stewart hu ferm ‘il bogħod mill-kwalità mistennija minnu għall-kura tal-Għawdxin – il-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ ma jindirizzax il-kwistjoni.

Jibqa’ jevita diskussjoni diretta mal-Kap tal-Oppożizzjoni

Għal xi raġuni jew oħra matul dawn l-ewwel mitt jum tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ ma sabx ftit tal-ħin għal diskussjoni/djalogu dirett mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fuq suġġetti varji.

Kemm-il darba l-Kap tal-Oppożizzjoni stieden lill-Prim Ministru għal dan id-dibattitu politiku bejniethom… fejn irid u meta jrid… iżda l-Prim Ministru jibqa’ ma jweġibx.

Naturalment il-mistoqsija tibqa’ sempiċi: X’inhu dak li qed iżomm lill-Prim Ministru Robert Abela milli jiffaċċja direttament lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia?