Coronavirus Lokali Saħħa

“Ma nistgħux inserrħu moħħna” – Charmaine Gauci

Il-proġett tal-Isptar Pre-Fabricated għandu jkompli għaliex, fix-Xitwa, Malta jaf tkun qed taffacja żewġ viruses fl-istess ħin – il-Coronavirus u l-influwenza staġjonali. Dikjarazzjoni mis-Suprintendent tas-Saħħa Charmaine Gauci f’intervista mal-gurnal The Malta Independent on Sunday.

Riċentement il-gvern kien ħareġ offerta għall-provvista u l-kostruzzjoni ta’ sptar prefabricated li jkun jista’ jaghti kura lil 90 pazjent.

Fid-dawl tal-fatt li n-numri tal-COVID-19 qed ikomplu jonqsu, il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom id-dmir li jipproteġu lill-poplu Malti u għandhom ikunu ppreparati għal kull eventwalità.

“Huwa aħjar li jkollok sodod u tagħmir żejjed u ma tużahx milli tispiċċa fil-bżonn ta’ dawn ir-riżorsi,” qalet is-Suprintendent tas-Saħħa.

Hi insistiet li ma nistgħux nkunu moħħna mistrieħ sempliciment għax in-numri huma baxxi u rridu nkunu ppreparati għal kull eventwalità.

L-awtoritajiet mhux biss qed jaħsbu dwar il-ġimgħat li ġejjin, iżda wkoll għax-Xitwa, meta jkun hawn żieda fil-każijiet tal-influwenza fejn possibilment Malta se tkun qed tiġġieled żewġ viruses fl-istess ħin. 

Charmaine Gauci tkellemet dwar in-numri baxxi li qed ikollna dan l-aħħar f’pajjiżna fejn saħqet li dan kien grazzi għall-esperjenza tal-professjonisti medici.

Hi stqarret li l-awtoritajiet jinsabu inkwetati li jista’ jkun hemm nies li għandhom il-virus iżda ma jirrealizzawx. Fatt ieħor ta’ tħassib hu li xi nies mhux qed joħorġu biex jagħmlu t-testijiet.

Mistoqsija x’tip ta’ miżuri jistgħu jitneħħew l-ewwel, il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa għadhom qed janalizzaw is-sitwazzjoni.

B’referenza għat-tieni mewġa, Gauci qalet li kollox jiddependi minn kemm il-pubbliku jikkopera mal-linji gwida u ghalhekk, il-miżuri ta’ Social Distancing se jibqgħu fis-seħħ, anke għaliex ir-riskju f’Malta huwa ikbar minħabba d-densità tal-popolazzjoni.