Futbol Sport

MINUTA MILL-PASSAT: Il-Miraklu ta’ Istanbul

Il-Finali tal-UEFA Champions League tal-2005 bla dubju waħda mill-isbaħ finali fl-istorja tal-komġetizzjoni.

Liverpool tal-Ingilterra kontra Milan tal-Italja fl-Atatürk Stadium f’Istanbul, it-Turkija fil-25 ta’ Mejju 2005.

Liverpool, li sa dak iż-żmien kienu rebħu l-kompetizzjoni erba’ darbiet, kienu qed jidhru fis-sitt finali fl-istorja tagħhom, u l-ewwel waħda mill-1985. Milan, li kienu rebħu l-kompetizzjoni sitt darbiet, kienu qed jidhru fit-tieni finali tagħhom fi tliet snin u l-għaxar b’kollox.

Liverpool kienu spiċċaw it-tieni fil-grupp tagħhom wara AS Monaco u wara li għelbu lil Bayer Leverkusen, Juventus u Chelsea fin-Knockouts waslu għal din il-finali. Milan rebħu l-grupp tagħhom fuq Barcelona u ffaċċjaw lil Manchester United, Inter u PSV Eindhoven qabel ma waslu għall-finali.

Milan kienu meqjusa bħala favoriti qabel il-partita u marru fil-vantaġġ fl-ewwel minuta permezz tal-captain Paolo Maldini. L-attakkant ta’ Milan, Hernán Crespo, żied żewġ gowls oħra qabel tmiem l-ewwel taqsima biex għamilhom 3-0.

Fit-tieni taqsima Liverpool niedu rimonta u skorjaw tliet gowls f’temp ta’ sitt minuti biex ġabu l-iskor 3–3, bil-gowls ta’ Steven Gerrard, Vladimír Šmicer u Xabi Alonso.

L-iskor baqa’ l-istess waqt il-ħin barrani, u kien meħtieġ il-penalties biex jiġu deċiżi ċ-ċampjins.

L-iskor kien 3–2 għal Liverpool meta Andriy Shevchenko kellu penalty salvat mill-gowlkiper ta’ Liverpool Jerzy Dudek.

B’hekk Liverpool rebħu l-ħames Tazza Ewropea tagħhom rimonta li waslet biex din il-finali tibqa’ magħrufa bħala l-‘Miraklu ta’ Istanbul’.