Lokali

Operazzjoni oħra tal-Pulizija f’Bormla

...wara li bejn is-Sibt u l-Ħadd mexxew operazzjoni ta' tmien sigħat

Wara li s-Sibt bil-lejl il-Pulizija kien involuta f’operazzjoni li wasslet biex instabet ammont ta’ droga u għall-arrest ta’ raġel ta’ 27 sena residenti Bormla, bħalissa fl-istess żona tal-iskola tal-Verdala għaddejja operazzjoni oħra.

Fil-post hemm għadd ta’ vetturi tal-Pulizija.

Fl-operazzjoni tas-Sibt filgħaxija rriżulta li sewwieq kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar. Meta bdew isegwuh, il-Pulizija ngħataw l-ordni sabiex il-vettura titwaqqaf fi Triq il-Kottonera f’Bormla.

Hekk kif is-sewwieq ra li ġie ċċirkondat mill-Pulizija, jidher li dan ipprova jaħrab iżda ma rnexxilux wara li ħabat f’żewġ vetturi tal-Pulizija. Pulizija mill-Ispecial Intervention Unit ħarġuh mill-karozza u mmanettjawh. Fil-vettura nstabet arma tan-nar u machete, kif ukoll madwar €6,000 fi flus kontanti u saħansitra allegatament kokaina u droga sintetika.

Waqt li kien qed isir dan l-arrest, żewġ residenzi f’Bormla, garaxx fil-Fgura u garaxx iehor f’Wied il-Għajn, ikoll tal-akkużat, ġew iċċirkondati.

Fil-postijiet insabu ammont konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga kannabis lesta għat-trafikar, oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Ġew elevati wkoll diversi armi tan-nar.

Dan filwaqt li ħames vetturi u erba’ muturi, kollha tal-istess raġel, ġew ikkonfiskati mill-Pulizija. Hu qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar stħarriġ. Dwar dan il-każ qed jgħinu lill-Pulizija tliet persuni oħra.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ssokktaw matul il-jum tal-Ħadd, flimkien mal-inkjesta maġisterjali mmexxija mil-Maġistrat Audrey Demicoli, assistita minn diversi esperti li ħatret, sabiex tkun stabbilita l-kwantità tad-droga misjuba.