Fi stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Alternattiva Demokratika fil-25 ta’ April 2020, fost affarijiet oħrajn, is-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar qal “Il-pandemija tal-Coronavirus m’għandhiex tintuża bħala skuża biex tintroduċu teknoloġiji invażivi u biex inġegħlu l-popolazzjoni kollha tiġi mmonitorjata kontinwament permezz tal-apparat mobbli.”
Fl-istess dikjarazzjoni, l-Alternattiva Demokratika rreferiet ukoll għall-konferenza stampa li saret nhar il-Ġimgħa 24 ta’ April 2020 mill-Partit Nazzjonalista. L-Alternattiva Demokratika jew fehmu ħażin dak li ġie propost mill-Partit Nazzjonalista jew qegħdin jippruvaw joħolqu dibattitu bla bżonn. Il-proposta tal-mobile app mressqa minn Ivan J Bartolo, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Soċjetà Diġitali saret fil-kuntest li ġej.
Il-mobile app għandha ssir disponibbli strettament fuq bażi volontarja u għandha ssir obbligatorja biss jekk titqies neċessarja mill-awtoritajiet tas-saħħa u allura f’sitwazzjoni fejn tkun meħtieġa; bħal fil-każ li t-tieni mewġa tolqot lil Malta u Għawdex kif ġara f’pajjiżi oħra. Jekk qatt issir obbligatorja, l-mobile app għandha tidħol, mingħajr ebda riżerva, fil-garanziji u r-rimedji kif deskritti fil-GDPR.
Il-mobile app hija għodda proattiva li tippermetti lill-utenti jaqbdu s-sinjali vitali tagħhom (sintomi potenzjali) u jaqsmu r-riżultati tagħhom permezz ta’ konnessjoni encrypted u sigura mal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Dan biex l-Awtoritajiet tas-Saħħa janalizzaw id-data li tkun qed tirċievi mill-utenti kollha u bbażat fuq ir-riżultati u x-xejriet tas-sinjali vitali tal-individwu, l-Awtoritajiet tas-Saħħa jistgħu b’mod proattiv jitolbu lill-individwi biex jagħmlu l-ittestjar. Fir-rigward tat-tracking u tracing, il-proposta tal-PN tagħmilha ċara ħafna li d-data għandha tkun anonimizzata għal kollox biex tipproteġi lil kull individwu.
Fi stqarrija, Ivan J Bartolo qal, “Ħdimt fl-IT fis-saħħa għal aktar minn ħmistax-il sena fir-Renju Unit. Ittrattajna volum massiv ta’ data anonimizzata dwar is-saħħa biex nassistu żviluppi li kellhom l-għan li jżidu s-sigurtà u s-saħħa tal-pazjent.”
L-Italja, Franza, ir-Renju Unit u l-Ġermanja huma fost bosta pajjiżi oħra fid-dinja kollha li qed jaħdmu fuq mobile apps simili biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom. Għaliex Malta u Għawdex għandhom ikunu differenti jekk tinqala l-ħtieġa?. L-użu tat-teknoloġija diġitali fil-ġlieda kontra l-imxija COVID-19 ġiet approvata kompletament mill-Unjoni Ewropea billi l-Kummissjoni approvat €5.3 miljun għal Malta. L-iskema hija li tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-imxija tal-virus. It-teknoloġija diġitali hija għodda, u pajjiżna għandu jkun minn ta’ quddiem li jagħmel użu mit-teknoloġija diġitali sabiex jibbenefikaw u jiġu protetti ċ-ċittadini.