Lokali

Sena mit-traġedja ta’ Gwardamanġa

Ix-xewqa ta’ Caroline Micallef hi li ħajjitha tiġi lura għan-normal… kif kienu jgħixu qabel. Dan wara li sena ilu, ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar.

Kien l-24 ta’ April tal-2019, meta r-residenza ta’ Caroline u tar-raġel tagħha, spiċċat krollat minħabba li biswit kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni.

Wara din it-traġedja kienu erba’ il-familji li spiċċaw barra minn darhom, neqsin minn dak kollu li kien tagħhom. Wara sena dawn il-familji għadhom fl-istess sitwazzjoni… ‘il bogħod minn dak li xi darba kien tagħhom.

Waqt kollegament fil-programm Net Live fuq Net TV, Caroline tispjega kif il-binja tagħha spiċċat iġġarrfet bi traskuraġni. Hija saħqet li kulma trid huwa li jingħatalha dak li kien tagħha, kif ukoll serħan il-moħħ li jekk se jerġgħu jidħlu ġewwa darhom, ikollhom assigurazzjoni li jkunu siguri.

Dakinhar li seħħet it-traġedja, hekk kif Caroline bdiet tara il-konsenturi jinfetħu, kienet sejjħet lir-residenti l-oħra biex joħorġu barra minn darhom. B’hekk… bis-saħħa tagħha… kienet evitata traġedja ħafna akbar.

Wara sena, Caroline qed tibqa’ tinsisti li mhix se ċċedi biex tieħu dak li bi dritt huwa tagħha.